Srdan Stankovic mis-Serbja ma nstabx ħati li kien involut fi ġlieda fl-istabbilment Bacco’s f’Paceville f’Novembru ta’ erba’ snin ilu.Fil-Qorti l-akkużat stqarr li hu kien fl-istabbiliment mat-tfajla tiegħu wara li s-spiċċa mix-xogħol meta ħin minnhom qamet kommossjoni bejn il-vittma Shawn Zammit u numru ta’ bouncers. Huwa qal li daħal biex jipprova jwaqqaf l-argument iżda kif is-sitwazzjoni eskalat huwa inqala’ mill-ġlieda. Huwa żied jgħid li l-persuna li dehret tagħti d-daqqiet f’ritratti li l-vittma għadda lill-Pulizija, ma kienx hu.
Min-naħa l-oħra l-vittma qal li hu kien fl-istabbiliment flimkien mal-mara tiegħu rrakkonta kif hu spiċċa fin-nofs tal-ġlieda u kif spiċċa jaqla daqqiet minn kull direzzjoni, li ħallewh bi ġrieħi gravi. Il-mara tal-vittma qalet li hi għarfet lill-akkużat minn ritratti fuq il-paġna ta’ Facebook tal-istabbiliment.
Il-Maġistrat Josette Demicoli qalet li ma kienx spjegat fil-Qorti kif instabu r-ritratti u nnutat ukoll li l-fattizzi ta’ wiċċ il-persuna fir-ritratt huma differenti minn dawk tal-akkużat. Peress li kien hemm diversi persuni ta’ statura kbira nvoluti fil-glieda bħal l-akkużat, il-Qorti qalet li huwa diffiċli li tasal għall-konklużjoni li wieħed minnhom kien l-akkużat.
Għaldaqstant il-Qorti lliberat lill-akkużat minn kull akkuża.