L-MIA fetħet VIP lounge ġdida, li toffri lill-passiġġieri aktar spazju, varjetà usa’ ta’ ikel u veduti panoramiċi tar-runway.
Il-La Valette lounge l-ġdida li tinsab fit-tielet sular tokkupa 870 metru kwadru u takkomoda aktar passiġġieri minn qabel. Il-lounge għandha wkoll terrazzin fuq barra, fejn il-passiġġieri jistgħu jaħdmu, jew sempliċement jirrilassaw qabel jaqbdu t-titjira tagħhom.
Il-passiġġieri li jużaw il-lounge jistgħu jgawdu minn għażla mtejba ta’ ikel, kif ukoll għadd ta’ xarbiet kumplimentari u l-benefiċċji kollha li kienu offruti fil-lounge l-antika.
Is-CEO tal-MIA Alan Borg qal: “Il-La Valette Lounge hija parti integrali mill-pakkett li noffru fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-ftuħ ta’ lounge ġdida huwa pass importanti ieħor fil-Proġett ta’ Rikonfigurazzjoni tat-Terminal tagħna, li meta jitlesta mistenni jtejjeb l-esperjenza fl-ajruport sostanzjalment.”
“L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kklassifika fit-tielet post fl-istħarriġ dwar il-Kwalità tas-Servizz fl-Ajruporti ta’ ACI s-sena li għaddiet u l-għan tagħna hu li nkomplu nfitxxu modi ġodda biex intejbu l-esperjenza talpassiġġieri tagħna mill-wasla tagħhom fl-ajruport sat-tluq.”
Fl-2016, aktar minn 100,000 passiġġier żaru l-lounge, li hija miftuħa għall-membri tal-La Valette Club tal-MIA, għal passiġġieri li jivvjaġġaw business u first class u għal dawk li jkunu jixtiequ naqra aktar kumdità waqt il-vjaġġ tagħhom.
Il-lounge l-ġdida hija parti minn programm komprensiv li huwa mmirat li jtejjeb il-faċilitajiet u s-servizzi fl-ajruport. Il-proġett ta’ rikonfigurazzjoni tat-terminal, li nbeda f’Settembru li għadda, huwa mistenni li jitlesa fl- 2018.
Għal aktar informazzjoni dwar il-lounge l-ġdida u La Valette Club, tista’ tibgħat email fuq info@lavaletteclub.com. Is-sit elettroniku ta’ La Valette wkoll ingħata dehra ġdida reċentement u wieħed jista’ jaċċessah fuq www.lavaletteclub.com.