Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, ippubblikat numru ta’ ritratti li juru vandaliżmu li sar fi tmiem il-ġimgħa li għadda fir-Riserva tal-Aħrax tal-Mellieħa, li hija amministrata mill-istess FKNK.
Ir-ritratti ppubblikati juru l-ħsara li saret fuq diversi siġar, serq ta’ tabelli li kienu mwaħħlin mill-awtoritajiet u żibel sparpaljat ma’ kullimkien.
Fi stqarrija, l-FKNK qalet li dan it-tip ta’ vandaliżmu jsir kull ġimgħa, anki fir-Riserva tal-Miżieb, u juri l-aċċess liberu li l-pubbliku għandu għal dawn l-istess Riservi għall-kuntrarju ta’ Riservi oħra li mhux msakkrin bil-ktajjen u katnazzi.
L-FKNK appellat lill-awtoritajiet biex ikun hemm uffiċjali f’dawn ir-Riservi u jitwaħħlu kameras tas-sigurtà qabel jerġgħu jitwaħħlu tabelli jew gradi.
Fl-istess waqt appellat lill-pubbliku li jżur ir-Riservi biex ikun aktar prudenti u jirrispetta l-liġi billi jħares l-ambjent naturali ta’ dawn il-postijiet mimlija natura fil-gżejjer Maltin.