Miexi ġmielu x-xogħol fuq lukanda lussuża fil-qalba tal-kapitali Maltija li qed issir b’investiment ta’ għoxrin miljun ewro. Bl-isem “Iniala”, din il-lukanda hija l-ewwel super luxury boutique hotel f’pajjiżna, u għandha l-għan li tiġbed turisti ta’ kwalità.
B’veduti mill-isbaħ tal-Port il-Kbir, “Iniala” se jkollha tlieta u għoxrin kamra tas-sodda lussuża, ristorant, pixxina, spa u gym. Dan kollu f’lussu kbir, u ambjent ta’ sigurtà u privatezza. Il-moħħ wara dan l-investiment huwa Mark Weingard. Imwieled Manchester, Mark huwa tifel waħdu li beda mix-xejn, u llum huwa miljunarju.
Il-ħajja tatu fuq wiċċu sa minn meta kien żgħir, fosthom bil-mewt ta’ missieru meta kellu biss għaxar snin, u t-telfa ta’ dik li kienet se tkun il-mara tiegħu li nqatlet f’attakk terroristiku fl-Indoneżja. Iżda dawn l-esperjenzi ma qatgħalux qalbu, anzi xprunawh biex jagħmel minn ħajtu storja ta’ suċċess.
Fiż-żgħożija tiegħu għex f’diversi pajjiżi, iżda kien fl-elfejn u tnax meta rifes f’Malta u ma reġax ħares lura.
Fl-aħħar sitt snin, Weingard investa f’Malta aktar minn mitt miljun ewro, u meta dawwar lill-ġurnalisti mal-partijiet lesti tal-lukanda fil-Belt, stqarr li dan huwa biss il-bidu, hekk kif qed iħares ’il quddiem biex jiftaħ aktar lukandi u ristoranti f’pajjiżna. Dan fi żmien deskritt mill-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi bħala ideali, hekk kif il-pajjiż għaddej minn żvilupp paripassu mal-istrateġija tal-Gvern li jattira lejn pajjiżna turisti ta’ kwalità.