Wasal għall-ewwel darba f’Malta wieħed mill-akbar cruise liners, l-MSC Seaview li qed itajjar il-bandiera Maltija. Vapur tal-passiġġieri li jesa aktar minn 5,000 passiġġier fejn se jkun qed jidħol fil-Port il-Kbir kull nhar ta’ Erbgħa sal-14 ta’ Novembru. Il-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat fisser din il-kollaborazzjoni bejn Malta u l-MSC bħala waħda importanti.
Dan hekk kif grazzi għal din il-kumpanija se jkunu qed jiżdiedu ferm aktar turisti li jidħlu f’pajjiżna. Apparti minn hekk, dan huwa stmat li kull turist jonfoq medja ta’ mitt ewro meta jżur pajjiżna, fattur li żgur se jkun qed itejjeb l-andament tal-ekonomija Maltija.
MSC Seaview beda l-ewwel vjaġġ tiegħu l-Ħadd b’5,119 passiġġier u 1413 membri tal-ekwipaġġ. Fosthom hemm 175 passiġġier minn Malta u Għawdex li kellhom l-opportunità unika jibdew dan il-vjaġġ minn Ġenova lejn Napli, Messina u llum daħlu fil-Port il-Kbir ta’ Malta.
MSC Seaview itajjar il-Bandiera Maltija wara li MSC Cruises iddeċidew li jirreġistraw f’Malta il-cruise liners kollha ġodda tagħhom.