Waqt li l-gżejjer Malin jinsabu milquta minn maltempata kbira, il-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd kien ikkaratterizzat minn riħ qawwi forzi ta’ riefna li qala’ diversi siġar madwar f’diversi bliet u rħula Maltin. Dan bil-konsegwenza li għamel bosta ħsarat fosthom vetturi.
Ritratti li ttellgħu fuq il-midja soċjali u oħrajn mibgħuta lil one.com.mt juru ħsara kbira li seħħet matul il-lejl. Minbarra dan il-ħaddiema tal-protezzjoni ċivili ġew imsejħa minn bosta biex jagħtu l-ewwel għajnuna minħabba l-ħsara li ġarrbu f’darhom. Oħrajn kienu involuti fit-tneħħija ta’ siġar min-nofs ta’ triq.
Intant l-uffiċċju meteoroloġiku fl-ajruport qed ibassar xita moderata għal qawwija, bil-ħalbiet iżolati tax-xita bir-ragħad u bis-silġ huma mistennija li jolqtu l-Gżejjer Maltin illum. Ir-riħ mill-Grigal ser jilħaq qawwa ta’ riefnu għal riefnu qawwi fuq il-Gżejjer Maltin.
Intant il-maltemp kbir li laqat il-gżejjer Maltin wassal sabiex jitħassru bosta attivitajiet fi tmiem il-ġimgħa fosthom il-maratona ta’ Malta.