Dan ir-ritratt ta’ missier li qed iżomm lil ibnu f’ħoġru fix-xower u li ġie ċċirkolat fuq il-Facebook għal diversi ġimgħat qanqal reazzjonijiet varji. Filwaqt li kien hemm min ħassu skomdu u rrapporta biex jitneħħa, oħrajn ħarsu lejh minn perspettiva ta’ sensittività u sens ta’ affezzjoni.
Ir-ritratt tpoġġa fuq is-sit soċjali mill-fotografu Heather Whitten li tgħix f’Arizona, fl-Amerka. Fir-ritratt hemm binha Fox u żewġha, Thomas Whitten – missier it-tifel.Fi kliem l-omm, il-missier u l-iben kienu għarwenin għax Fox qabditu s-Salmonella u kien se jittieħed l-isptar ftit wara.
“Thomas għamel sigħat sħaħ fix-xower m’ibnu biex jipprova jżommlu d-deni milli jkompli jitla’,” kitbet l-omm mar-ritratt li tellegħet. Irrimarkat li l-missier wera paċenzja u mħabba kbira tant li baqgħetx lura milli tiġbed xi ritratti u xxerridhom fuq is-sit soċjali tagħha.
Iżda xi wħud interpretaw dan ir-ritratt f’sens pedofelija. L-omm kienet sorpriża b’ċerti reazzjonijiet u kummenti negattivi dwar dan “il-mument sabiħ.”
Kontroversja dwar x’tip ta’ ritratti tat-tfal għandhom jitilgħu mhix ġdida. Ix-xahar li għadda, mara Awstraljana, Kelli Bannister, tellgħet ritratt simili għal dak ta’ Whitten, jiġifieri b’bintha ta’ ħames snin f’ħoġorha. Kuntrarjament għal dak ta’ qablu, ir-reazzjonijiet kienu tassew pożittivi.
Dan ifisser li mara tista’ tidher għarwiena ma’ tifel jew tifla, u raġel le?