Ristorant f’Marsamxett inqabad ibigħ 215-il flixkun inbid illegali.
Dan wara ġimgħat ta’ investigazzjoni mill-JET, magħmul minn Uffiċjali tad-Dwana mit-Taqsima tal-Infurzar, u minn Spetturi tat-Taxxa mill-Compliance & Investigations Directorate tad-Dipartiment tat-Taxxa, fejn fi tmiem il-ġimgħa, saret spezzjoni f’ristorant li jinhsab fil-Port ta’ Marsamxett.
Minn din l-investigazzjoni, irrizuta lill-JET numru ta’ indikaturi li kollha ssuġġerew li sid dan ir-ristorant seta’ kien qiegħed:
– jew idaħħal hu kwantita’ ta’ inbejjed fil-pajjiż, uħud minnhom ta’ kwalita’ għolja ħafna u li jiswew il-flus, mingħajr ma jħallas it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, kif ukoll id-Dazju tas-Sisa;
– jew kien qiegħed jixtri, mingħand min kien qed jimporta bil-kuntrabandu, kwantità ta’ nbejjed u jitfagħhom fis-suq.
Is-suspetti li tqanqlu mill-investigazzjoni ġew ikkonfermati hekk kif fl-ispezzjoni li għamlu l-uffiċjali fir-ristorant sabu lesti bix jinbiegħu 215-il flixkun inbid illegali.
Ir-rwol tal-JET, hu li tagħmel investigazzjoni intelliġenti u tanalizza ħafna data li ż-żewġ Dipartimenti jippossjedu. Meta jinstabu bizzejjed indikaturi li qed isir evażjoni fiskali, dawn l-investigazzjonijiet jiġu kumplimentati bi spezzjonijiet f’postijiet diversi, bhalma ġara f’dan tmiem il-ġimgħa.
Fuq investigazzjonijiet li saru mill-JET, il-kollaborazzjoni bejn id-Dipartiment tad-Dwana u d-Dipartiment tat-Taxxi ser tkompli tieħu dimensjoni akbar, hekk kif ser jiżdiedu l-ispezzjonijiet.