Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat innota kif għax l-Oppożizzjoni tinsab darha mal-ħajt qed terġa’ ttella fuq l-aġenda l-ikbar gidba li qatt ivvintat.
“Itellgħu mill-ġdid l-ikbar qlajjiet li jistgħu jivvintaw,” qal il-Prim Ministru fil-Mosta li rrefera għal dikjarazzjonijiet ta’ min ma jiddispjaċihx tal-gidba fuqu u fuq martu dwar il-kumpanija Egrant.
“Jien la nistenna li jiddispjaċihom, la nistenna apoloġija jien, għax dak li għaddejna minnu jien u familti jien naf x’iġifieri… l-apoloġija lill-poplu Malti u Għawdxi tridu tagħtuha. U min fuq gidba bħal din jipprovaw joħorġu bir-raġun,” qal il-Prim Ministru li reġa’ tenna kif hu jrid jippubblika r-rapport sħiħ iżda jsegwi wkoll il-parir tal-Avukat Ġenerali. “L-Avukat Ġenerali qed jgħid li jekk tippubblika dan ir-rapport issa min qed jiġi investigat ikollu vantaġġ,” qal Joseph Muscat li nnota kif dan jista’ jfixkel l-investigaturi. Innota kif meta Adrian Delia mar għand il-pulizija għax qal li xi ħadd iffalisfikalu l-firem u l-ġurnalisti qalulu ħa narawha hu rrifjuta. “Qalilhom ma tarax. Jekk nippubblika, nippreġudikaw l-investigazzjonijiet,” qal Joseph Muscat li nnota kif l-intenzjoni politika tiegħu tibqa’ li dan ir-rapport jiġi ppubblikat. “Hekk wgħedt u hekk se ngħamel,” qal Joseph Muscat li spjega kif il-kwistjoni hija l-meta u l u li ma jkunx hemm indħil fix-xogħol tal-Avukat Ġenerali u l-investigaturi.
Tkellem kif lil min għamel dan is-set up u tefa’ l-pajjiż f’inċertezza jxtieq jara li ssir ġustizzja magħhom. Iżda, minkejja l-weġgħat personali iħalli l-istituzzjonijiet jagħmlu huma x-xogħol tagħhom. “Imma ħaġa oħra nista’ nagħmel. Ir-risposta għal min irid jerġa’ jqajjem din il-gidba. Lil min din il-gidba għamilha tiegħu. Lil min din il-gidba qal li ma jiddispjaċihx għaliha… jien se nagħtiha u nistedinkom biex tagħtuha miegħi fil-25 ta’ Mejju li ġej,” qal il-Prim Ministru.