“Filwaqt li nirringrazzjawk tal-istedina li għamiltu lill-Partit Laburista, anke f’sens sħiħ ta’ rispett li għandna kemm lejn it-tema diskussa, u anke lejn l-individwi fil-Kummissjoni, anke fid-dawl li l-Partit Laburista fil-Gvern daħħal kif imwiegħed, wara 25 sena, liġi li tirregola l-finanzjament tal-Partiti, nixtiequ ninfurmawkom li mhux qed nilqgħu l-istedina tal-Kummissjoni maħtura minn Dr Simon Busuttil. Dan għaliex Dr Busuttil kien u għadu jikser il-liġi tal-finanzjament tal-Partiti.”
Din kienet ir-risposta tal-Partit Laburista għall-istedina għal-laqgħa mal-Kummissjoni li ħatar Simon Busuttil.
Dik li suppost kellha tkun Kummissjoni indipendenti fil-verità mhijiex indipendenti dan għaliex fil-qalba tagħha hemm l-eks Ministru tal-Ġustizzja Tonio Borg u lil Petra Caruana Dingli. Biex ma nsemmux ukoll li l-ewwel laqgħa ta’ din il-Kummissjoni kienet preseduta mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista stess Simon Busuttil.
Il-Partit Nazzjonalista waqqaf din il-Kummissjoni ftit wara li faqqa’ l-iskandlu Skema Pagi PN li s’sissa għalkemm ifforma l-Kummissjoni għadu ma ppubblika ebda invoice falza, minkejja li kien sfidat bosta drabi mill-grupp DB stess.
Il-Partit Laburista qal li fl-istess ħin li ħoloq din il-Kummissjoni, Simon Busuttil għaddej b’attakk kontra l-Kummissjoni Elettorali, ir-regolatur tal-liġi tal-finanzjament tal-Partiti, u l-istituzzjonijiet kollha indipendenti li għandu dan il-pajjiż f’attentat li jkisser l-integrità u r-rispett li jgawdu mingħand kulħadd.
Il-Partit Laburista jemmen li wara li l-ewwel ħoloq skema ta’ ċedoli sigrieti biex idur mal-liġi u wara bi skema oħra ta’ invoices foloz biex jiffinanzja l-pagi li sa’ issa nafu huma tas-Segretarju Ġenerali u l-Kap Eżekuttiv tiegħu, ma jemminx li Simon Busuttil għandu xi forma ta’ kredibilità fuq tema tant serja meta s’issa la għadu ppubblika l-ismijiet li hemm fl-iskema ċedoli u wisq anqas ippubblika l-invoices foloz li qed jinħeba warajhom.
“Biex Dr Busuttil jittieħed bis-serjetà bil-ħatra ta’ din il-Kummissjoni, l-ewwel għandu jxolji l-iskema taċ-ċedoli u jiddikjaraha fl-ispirtu tal-liġi tal-finanzjament tal-Partiti, jippubblika l-invoices foloz li ordna li jinħarġu biex jikser l-istess liġi, u jiddikjara xi dħul ieħor jista’ jkollu u li ma kienx dikjarat permezz ta’ din l-iskema jew oħrajn simili.” – PL
Fin-nuqqas ta’ dan kollu, kull xogħol ta’ din il-Kummissjoni huwa mminat mill-persuna stess li ħatritha.