Ftit sigħat biss ‘il bogħod mill-ftuħ mill-ġdid ta’ pajjiżna għas-settur turistiku, il-lukandi u r-ristoranti fil-gżejjer Maltin kellhom l-ewwel togħma tal-influss qawwi li ilhom ix-xhur għatxana għalih.
Dan hekk kif fl-ewwel tmiem il-ġimgħa estiż minħabba l-festa tal-Imnarja, kienu l-eluf tal-Maltin li rħewla biex iqattgħu dawn il-jiem f’xi waħda minn diversi lukandi li Malta u Għawdex miżgħuda bihom.
Fil-fatt il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandiera u r-Ristoranti l-MHRA Tony Zahra, kien sodisfatt bil-livell ta’ konkorrenza.
Huwa stqarr: “Jidher li l-Maltin ħadu l-okkażjoni biex imorru joqogħdu fil-lukandi u jidher li kien hemm rispons tajjeb ħafna u r-rapporti li għandna kienu sodisfaċenti.”
Is-Sur Zahra esprima ottimiżmu kawt meta mistoqsi dwar il-prospetti għas-settur turistiku fl-ewwel ġimgħat minn meta jinfetħu mill-ġdid il-fruntieri tal-gżejjer tagħna minn għada l-1 ta’ Lulju.
Dan hekk kif huwa jistma li għall-ewwel l-ispazji fuq titjiriet se jkunu madwar 15% tal-livelli ta’ qabel il-pandemija iżda imbagħad mistenni jaqbad iżjed ir-ritmu.
“Ma nistgħux nistennew li se jkun hemm iżjed minn 15% minn tat-2019 għax dak huwa is-seats avaialble. Jien naħseb li nqarrbu lejn dak in-numru ta’ 15% imma mbagħad jibdew telgħin fix-xhur li ġejjin. F’Awwissu jista’ jkun hawn iktar seats u qed jgħiduli ukoll li minn Ottubru nitilgħu sa 50% sa dak li konna s-sena l-oħra”, kompla jispjega s-Sur Zahra.
Fuq in-naħa l-oħra tal-fliegu, l-Għawdxin ukoll esperjenzaw influss qawwi ta’ okkupanza fil-lukandi u r-ristoranti fosthom mill-Maltin.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu Joe Muscat qal li d-domanda kienet qawwija speċjalment fl-akkomodazzjoni privata.
Huwa qal: “Kellna domanda qawwija għall-akkomodazzjoni fit-tip ta’ self catering u farmhouses u appartament. Kif ukoll kellna akkomodazzjoni tajba fis-settur tal-lukandi.”
Mistoqsi dwar x’jara fix-xhur ta’ wara, is-Sur Muscat jara wkoll prospetti sbieħ fiċ-ċirkostanzi straordinarji li għexna fl-aħħar xhur.
Is-Sur Muscat wieġeb: “Fix-xahar ta’ Awwissu hemm bookings li jidhru li huma tajbin. Ovvjament wieħed irid jara dawk il-pajjiżi li minnhom ġejjin dawn it-turisti kif se jirreaġixxu u jekk ikunux jistgħu jibagħtu n-nies tagħhom lejn il-gżejjer tagħna.”
Intant wara erbat’ jiem konsekuttivi mingħajr każ ġdid ta’ Coronavirus, fil-jum tal-Erbgħa, Malta se terġa’ tibda tilqa’ t-turisti li kif kien żvela ONE News, fil-ġimgħat li għaddew kien hemm possibilment mat-tliet elef turist li se jifsu artna fl-ewwel jum ta’ Lulju.