Waqt iż-żmien tal-konsultazzjoni pubblika kien hemm interess qawwi għall-Patient Charter li nieda għall-konsultazzjoni l-Gvern. L-interess deher kemm minn individwi kif ukoll minn għaqdiet mhux governattivi li pparteċipaw f’din il-konsultazzjoni.
Il-Ministru Chris Fearne ikkonferma dan waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika li fiha kien diskuss l-istess charter.
“Kellna feedback tajjeb ħafna, kellna suġġerimenti tajbin fuq affarijiet li ma konniex ħsibna fuqhom. Iżda rridu niftakru wkoll li huwa importanti li l-Patient Charter ikun sostenibbli u għalhekk dak li ndaħħlu fih irridu nkunu ċerti li kapaċi nwettquh. Fil-fatt hemm il-ħsieb biex l-istess Patient Charter, meta jidħol fis-seħħ, għandu jibqa’ jkun rivedut kull sentejn,” qal il-Ministru Fearne.
Il-Ministru żied li ċerti drittijiet u dmirijiet elenkati fil-Patient Charter jeħtieġu bidla fil-mentalità kemm ta’ min ikun qed jipprovdi s-servizz kif ukoll minn min jirċevih. Fost affarjiet oħra ċ-Charter se jagħti dritt lill-pazjent li jekk jinqabeż iż-żmien ta’ stennija maqbul, l-istess pazjent jista’ jagħmel l-intervent fi sptar privat u jħallas għalih il-Gvern.
Intant il-konsultazzjoni pubblika dwar il-Patient Charter se tibqa’ miftuħa sal-aħħar ta’ dan ix-xahar, fejn wara tiġi analizzata l-informazzjoni kollha biex fi żmien tliet xhur jiġi preżentat id-dokument finali.