Il-proċess tat-teħid tat-tilqima tal-influwenza u tal-booster tal-varjant Omicron tal-Covid-19 miexi ġmielu.
Huwa proċess li nbeda fis-17 ta’ Ottubru, meta beda jingħata t-tilqim lil dawk ta’ ’l fuq minn 55 sena u lin-nies vulnerabbli. Mil-lum beda jingħata lil pubbliku ġenerali.
It-Tnejn filgħodu, ONE News żar iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira, fejn mil-lum bdew jingħataw l-vaċċin tal-influwenza u l-booster tal-Omicron tal-Covid-19 lil kull min jixtieq jeħodhom.
L-infermiera Mariella Fenech qalet li r-rata ta’ tilqim hija waħda tajba, filwaqt li spjegat l-proċess ta’ tilqim tal-influwenza.
“Ir-rata miexja tajba. Tfal taħt is-sbatax-il sena jmorru l-immunisation clinic, mis-sbatax-il sena ’l fuq jiġu hawnhekk, ġol-health centres ta’ Malta u Għawdex kollha.”
Huwa importanti li kull min imur jieħu l-vaċċin, kemm tal-varjant Omicron tal-Covid-19 kif ukoll tal-influwenza, jieħu miegħu l-karta tal-identità. Fil-każ ta’ dawk li jbatu b’mard kroniku, trid tiġi ppreżentata wkoll il-kartuna s-safra jew inkella ċertifikat tat-tabib li juri l-kundizzjoni medika tal-persuna.