Hekk kif fl-aħħar ġimgħat il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ħabbar l-estensjoni tal-iskema ta’ rifużjoni tal-mediċini tal-IVF, l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun (EPA) kellha rispons pożittiv ħafna minn ġenituri prospettivi li għamlu t-trattament ta’ prokreazzjoni medikament assistita fi kliniċi liċenzjati privati f’Malta.
Malli tħabbret l-estensjoni ta’ din l-iskema, bosta ġenituri prospettivi avviċinaw lill-EPA hekk kif dawn għamlu t-trattament ta’ prokreazzjoni medikament assistita fi kliniċi barra minn Malta.
Għaldaqstant, il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva jħabbar li l-Awtorità se tkun qed tiġbor l-informazzjoni ta’ dawk il-ġenituri prospettivi li għamlu t-trattament ta’ prokreazzjoni medikament assistita barra minn Malta, kemm dawk li għamlu t-trattament minn Jannar 2023 ’l quddiem kif ukoll qabel.
Kull informazzjoni għandha tintbagħat lill-Awtorità fuq info.epa@gov.mt. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jikkuntattja l-EPA fuq 25951650.