Kienu ħafna d-dilettanti tan-nar b’rispons pożittiv għall-fond ta’ €170,000 li nieda l-Gvern għall-kmamar tan-nar.
Fuq l-għatba tal-istaġun tal-festi, huma ħafna dawk li jħobbu l-piroteknika, li mill-ewwel resqu ’l quddiem bl-ideat tagħhom bil-għan li jkomplu jżidu s-sigurtà fil-kmamar tan-nar.
Damian Psaila, membru fil-kamra tan-nar ta’ Sant’Andrija qal li kull għajnuna hija apprezzata, u l-flus se jintużaw biex il-kamra li tagħha huwa membru tkompli tieħu aktar miżuri ta’ sigurtà.
B’sodisfazzjon dwar il-fatt li għall-ewwel darba l-pirotekniċi se jingħataw għajnuna finanzjarja, u b’entużjażmu dwar dak li jistgħu jiksbu minnha fil-futur, Damian tkellem dwar uħud mill-proposti li se jressaq kif jinfetħu l-applikazzjonijiet nhar it-Tnejn.
“Bħala għaqda qed naħsbu li ninvestu fi ħwejjeġ protettivi biex jintużaw waqt li nkunu qed nagħmlu l-proċess tan-nar. Għandek ukoll spiża rikorrenti li trid issir kull sena l-upkeep tal-post tan-nar li minnha nnifisha hija safety għandek maintenance tal-fire extinguishers kull sena jiġifieri għandek spiża rikorrenti kull sena.”
Il-kamra tan-nar ta’ Sant Andrija f’Ħal Luqa għaddejja minn żmien ta’ ristrutturar u mmodernizzar.
Fil-fatt fl-aħħar xhur investiet f’sistema ta’ tifi tan-nar tal-ogħla livell, biex f’każ ta’ aċċident ikollha provvista tal-ilma aċċessibbli li tlaħħaq il-kamra kollha.
Barraminnhekk inbnew mħażen ġodda b’soqfa apposta mingħajr ġebel.
Ma’ dawn ħitan b’boroż kbar mimilija bir-ramel minflok b’ħitan tal-ġebel bħalma kien jiġri qabel.
Miżuri li lkoll qed jittieħdu biex isaħħu s-sigurtà, u li l-ewwel skema fl-istorja ta’ fondi għall-kmamar tan-nar, mistennija jkomplu jissaħħu.
L-applikazzjonjiet jistgħu jinkisbu mill-Uffiċċju tal-Kunsill Malti għall-Arti jew mis-sit elettroniku www.artscouncilmalta.org, u għandhom jitressqu bl-idejn sa mhux aktar tard mit-tletin t’April f’nofsinhar.