Għaqdiet li jirrappreżentaw lill-istudenti laqgħu b’mod pożittiv it-twaqqif tal-Youth Advisory Forum, li tħabbar mill-Prim Ministru waqt laqgħa tal-Kabinett li saret mal-istudenti tal-MCAST nhar it-Tnejn.
L-għaqdiet studenteski saħqu fuq kemm huwa importanti li jkollna forum fejn iż-żgħażagħ ikunu jistgħu liberament jiġu kkonsultati u jesprimu l-opinjonijiet tagħhom.
Il-President tal-għaqda studenteska Pulse, Karl Schembri, qal “Dan il-Forum huwa importanti ħafna għal kull individwu f’kull istituzzjoni għax jagħti leħen lill kull student, f’kull skola hawn Malta. Inħoss li hija xi ħaġa importanti ħafna għaliex iż-żgħażugħ huwa l-leħen tal futur.”
L-għaqdiet saħqu fuq kif il-Forum se jgħin liż-żgħażagħ iwasslu l-ħsibijiet tagħhom fuq diversi setturi, għax se jagħtihom pjattaforma fil-livell nazzjonali fejn jistgħu jassiguraw li leħinhom se jkun stmat u rikonoxxut. Fost dawn hemm il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ.
Il-President tal-Għaqda Mariah Zammit qalet, “Dan se jservi bħala pjattaforma li l-KNŻ ilu jibni u issa se jkompli jibnih through this platform direttament mal-istakeholders rispettivi”. Huwa importantissimu li l-Gvern u stakeholders oħra jisimgħu miż-żgħażagħ għaliex aħna mhux biss il-futur imma anke l-preżent.”
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kunsill tal-Istudenti tal-Junior College, Jake Muscat, osserva li dan il-Forum se jiġbor fih żgħażagħ minn oqsma differenti u se jkun ta’ għajnuna kbira għall-għaqda studenteska tal-Junior College biex twassal il-ħsibijiet tal-istudenti tagħha.
Qal, “Min-naħa tal-istudenti tal-Junior College hemm sentiment tajjeb ħafna għax, ovvjament, din se tkun qed tasal għal skala nazzjonali, u li inti jkollok perspettiva mill-istudenti żgħażagħ hija importanti ħafna.”
Anki l-Kunsill tal-Istudenti tal-MCAST, l-KSM, laqa’ b’dirgħajh miftuħin il-ħolqien tal-Youth Advisory Forum u qal li dan żgur se jgħin biex il-ħsibijiet tal-istudenti minn oqsma differenti jaslu għand dawk responsabbli għall-bidla.
Rohasia Zammit, uffiċjal fi ħdan il-Kunsill Studenti MCAST, qalet “Aħna bħala MCAST għandna studenti ġejjin minn kull aspett tas-soċjetà. Hemm diversi nies b’aspirazzjonijiet differenti u l-fatt li nistgħu nagħtu opinjonijiet lill-Gvern u lill-Parlament – fl-aħħar mill-aħħar biex insemmgħu leħinna u l-Gvern ikun jista’ jgħinna aktar – hija tajba ħafna.”