Kien hemm rispons ferm pożittiv għall-konsultazzjoni pubblika dwar il-proġett massiċċ ta’ spazju miftuħ u aħdar fil-qalba tar-Rabat Għawdex.
Dan żvelah mal-gazzetta KullĦadd, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex (GRDA), Mario Borg, hekk fil-jiem li għaddew intemmet il-konsultazzjoni pubblika dwar dan l-akbar proġett ta’ spazju miftuħ li qatt ġie propost biex isir f’din il-gżira.
Qal, “S’issa kellna rispons tajjeb ħafna, ħafna mill-feedback kien pożittiv kellna wkoll kummenti ta’ kif forsi dan il-kunċett jista’ jiġi jisaħħaħ u jitjieb. Fil-ġimgħat li ġejjin se nkunu qed noħorġu dokument ieħor u nagħtu l-feedback tagħna fuq dak li qalulna n-nies u l-imsieħba soċjali. Minn hemm nibdew mexjin flimkien mal-Ministeru għal Għawdex u l-Gvern sabiex nesploraw kif min kunċett naslu għall-proġett.”
Il-konsultazzjoni pubblika bdiet f’Ġunju li għadda, ftit aktar minn sena wara li l-Partit Laburista, fil-Manifest Elettorali ‘Malta Flimkien’, kien poġġa dan il-proġett bħala waħda mill-proposti ewlenin tiegħu.
Dan biex fiċ-ċentru tal-Belt Victoria jitwettaq investiment multi-miljunarju ta’ riġenerazzjoni urbana mifrux fuq medda ta’ tmienja u għoxrin elf metru kwadru ta’ art.
Dan il-proġett jifforma wkoll parti mill-investiment, imħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela, ta’ seba’ mitt miljun ewro għal żieda ta’ spazji ħodor madwar il-pajjiż.
Intant, tul dawn l-aħħar ġimgħat, il-GRDA rċeviet numru kbir ta’ ijmejls, mingħand Għawdxin, Maltin u anke barranin jgħidu tagħhom dwar dan il-proġett.
Bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika l-awtoritá skattat ukoll b’laqgħat ma’ bosta msieħba soċjali u anke għaqdiet Għawdxin biex tisma’ x’għandhom xi jgħidu.
Fost dawn kien hemm il-Kunsill Lokali tar-Rabat Għawdex, entitajiet pubbliċi bħal Transport Malta, il-klabbs tal-futbol tar-Rabat, il-komunità kummerċjali Għawdxija u oħrajn.
F’ħarġa oħra, il-gazzetta KullĦadd, kienet wriet studju tal-GRDA li juri li fil-fażi ta’ żvilupp sas-sena elfejn u tletin, il-proġett mistenni jtejjeb il-Prodott Gross Domestiku Għawdxi b’madwar tlettax-il miljun ewro kull sena, li jfisser titjib ta’ tnejn fil-mija fir-rata ta’ tkabbir tal-griża.
Meta tintemm il-kostruzzjoni, il-GRDA qed tistma li l-proġett se jħalli impatt permanenti ta’ madwar wieħed punt tnejn fil-mija fuq il-ġid nazzjonali Għawdxi. Dan il-proġett mistenni jħalli effetti pożittivi wkoll fl-attività kummerċjali u dik soċjali f’Għawdex. Dan mistenni jżid l-impiegi b’madwar mitejn u ħamsa u għoxrin persuna.
Dan il-proġett se jiswa ħamsa u tletin miljun ewro u l-istudju tal-GRDA qed jimplika li se jkabbar il-ġid nazzjonali b’madwar mija u sebgħin miljun ewro sas-sena elfejn u erbgħin.
Bħala parti minn dan il-proġett ta’ spazju aħdar se jinħolqu wkoll tmien mija u tmenin spazju ta’ parkeġġ taħt l-art biex itaffu l-problema li teżisti fil-qalb ta’ din il-gżira.