Sentiment pożittiv ferm għar-riżultati li ħarġu fl-istħarriġ annwali tal-EY, li janalizza kemm kapaċi jattira investiment lejh pajjiżna.
L-istħarriġ, fost l-oħrajn, wera li kważi 60 fil-mija tal-kumpaniji internazzjonali li qed joperaw f’pajjiżna jemmnu li Malta hija attraenti għall-investiment dirett barrani lejha. Dan kien ifisser żieda ta’ 21 fil-mija fuq ir-riżultati tas-sena l-oħra.
Dwar dan, l-opinjonista, il-Perit David Xuereb, innota li b’mod strateġiku l-Gvern miexi fid-direzzjoni t-tajba sabiex jattira impriżi ta’ kwalità li l-ekonomija Maltija tant għandha bżonn.
“Jekk nibqgħu naħsbu b’mod strateġiku, kif nixtiequ naraw li l-partiti politiċi, u l-Gvern, f’dan il-każ, li qed imexxi l-pajjiż, jibqa’ jiffoka fuq dak li jfisser l-aktar, allura naraw li n-negozji jsegwuha dik u nattiraw in-negozji ta’ kwalità li aħna verament irridu. Hemm interess kbir għal miżuri oħrajn ta’ attrattività, fosthom minn dak li għandu x’jaqsam mas-settur ambjentali, mas-soċjal, u l-governanza. Nirrealizzaw li, probabbilment, se jkunu l-aktar miżuri li għandna bżonn niffukaw fuqhom jekk irridu li n-negozji jibqgħu jħarsu lejn din il-ġuriżdizzjoni bħala attraenti.”
Ma’ One News tkellem ukoll Nick Xuereb, iċ-Chief Financial Officer tal-kumpanija internazzjonali Toly, li hija bbażata f’Malta u li timmanifattura prodotti tas-sbuħija.
Huwa nnota li kumpaniji bħal tagħhom b’mod kontinwu qed isibu l-id ta’ għajnuna tal-Gvern, fosthom mill-Malta Enterprise, li ta’ sikwit toħroġ skemi finanzjarji li minnhom jibbenefikaw l-azjendi. Sostna li dan ikompli jattira l-investiment barrani f’pajjiżna.
“Il-Malta Enterprise f’dawn iż-żmijiet vera għenuna u għenu ’l-industrija f’Malta, partikolarment fi żmien il-COVID-19, u dejjem qed joħorġu bi skemi differenti biex jgħinu l-industrija tal-manifattura.”
Nick Xuereb għamel referenza għall-importanza li f’Malta jissaħħaħ is-settur tal-ħiliet tal-ħaddiema u semma x’opportunitajiet hemm fil-fora internazzjonali u li Malta, flimkien ma’ pajjiżi Ewropej oħra, tista’ tgawdi minnhom.
“Qed naraw il-customers tagħna, il-brands qed jesiġu li l-manifattura tiġi lura miċ-Ċina. Bid-dollaru ssaħħet ħafna, ġabet il-manifattura fl-Ewropa aktar kompettitiva. Allura għall-Ewropa u għal Malta hemm opportunità kbira biex ninvestu u nkabbru l-operat tagħna.”
Minkejja l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija, Simon Barberi, d-Direttur tal-EY Malta, saħaq li bl-għajnuna mill-Gvern il-kumpaniji internazzjonali f’pajjiżna xorta qed jagħżlu li jespandu l-operat tagħhom u anke li jħaddmu aktar nies magħhom.
“Li ħareġ ċar huwa li qed ikun hemm kambjamenti ‘l fuq fl-attractiveness tal-pajjiż, għall-investiment dirett barrani. Is-sentiment huwa pożittiv, huwa pożittiv aktar mis-sena l-oħra. Jidher ukoll li diversi kumpaniji, għalkemm ġew impattati mill-Covid-19, diversi kumpaniji beħsiebhom jespandu. Il-Covid-19 ġie mwieżen mill-għajnuna li ngħataw dawn il-kumpaniji u b’hekk ukoll qed ifittxu diversi nies biex jaħdmu magħhom.”
B’rabta ma’ dan, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq kif l-istabbiltà li joffri l-Gvern f’Malta, quddiem diversi sfidi, se tibqa’ tagħmel lil dan il-pajjiż aktar attraenti għall-investituri.