L-operazzjoni delikata mill-Korp tal-Pulizija, li seħħet iktar kmieni llum, tixhed il-ħidma professjonali tal-membri tal-Korp tal-Pulizija li ta’ kuljum juru impenn u dedikazzjoni mill-ikbar biex iħarsu lis-soċjetà u l-pajjiż jasal għal ġustizzja meta jseħħu delitti serji. Dan intqal fi stqarrija mill-Partit Laburista, wara l-aħħar żviluppi li seħħew fil-każ tal-omiċidju doppju li seħħ bħal-lum ġimgħa f’Tas-Sliema.
Il-Partit Laburista qal li l-Korp tal-Pulizija qed juri professjonalità fuq kull livell u għalkemm is-sitwazzjonijiet li jkun iffaċjat bihom jistgħu jkunu kumplessi, diffiċli u saħansitra perikolużi, qed jinkisbu r-riżultati.
Il-Partit Laburista jinnota l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti fil-Korp tal-Pulizija filwaqt li jara li l-istess Korp isaħħaħ l-istrutturi tiegħu kif saħansitra ġara bil-metodu ġdid biex jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija.
Fuq kollox ir-rispett lejn il-pulizija għandu jkun wieħed ta’ kuljum. Kien għalhekk li Partit Laburista fil-Gvern ħadem biex il-membri tal-Korpi Dixxiplinati jingħataw aktar drittijiet, bħal ħlas tal-over-time u d-dritt tal-union.
Il-Partit Laburista jappella lill-Gvern biex ikompli jipprovdi l-qafas li permezz tiegħu l-Korp tal-Pulizja u l-Korpi Dixxiplinati kollha jkomplu jissaħħu u jsiru iktar effiċjenti.
Dak li seħħ illum huwa l-ikbar xhieda għaliex il-Korp tal-Pulizija, il-membri tiegħu u l-familji tagħhom jixirqilhom l-ikbar rispett ta’ kuljum. Il-Partit Laburista temm din l-istqarrija billi radd ħajr lill-Korp tal-Pulizija.