- RAPPORTI TEKNIĊI JĠIBU FIX-XEJN IL-BIŻA’ DWAR IT-TANKER TAL-GASS
- IKKONFERMAT BĦALA SORS TA’ ENERĠIJA SIGUR
Rapporti minn kumpaniji rinomati fid-dinja bħal Marin (Istitut tar-Riċerka Marittima fl-Olanda) u l-SGS (kumpanija multi-Nazzjonali li tagħmel xogħol ta’ verifika u testijiet, ibbażata fl-Isvizzera) jikkonfermaw fir-rapporti tagħhom li t-tanker f’Marsaxlokk, li se jkun qed jisuplixxi l-gass lill-power station il-ġdida, huwa sigur.
Dawn ir-rapporti kienu sottomessi lill-Awtorità tal-Ambjent mill-operatur sabiex b’mod sussegwenti jinħarġu l-permessi kollha neċessarji b’rabta ma’ dan il-proġett kif dejjem intqal sa mill-bidu nett.
Fir-rapporti estensivi tagħhom li jistħarrġu diversi istanzi u jaraw x’inhuma l-possibilitajiet ta’ riskji li jistgħu jeżistu minħabba l-LNG tanker, iqisu li hemm ċans biss ta’ darba kull 100,000 sena f’xenarji estremi, li jkunu milquta l-viċinanzi ta’ fejn ikun sorġut it-tanker. Dan kollu jifqa’ għal kollox il-bużżieqa tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista ta’ Simon Busutti li ilha għal dawn l-aħħar tliet snin tipprova tnissel biża’ fost ir-residenti ta’ Marsaxlokk b’mod partikolari.
Bħala parti mir-rapport ta’ sigurtà, ġew identifikati numru ta’ xenarji differenti l-aktar dawk relatati ma’ leaks u qsim ta’ pajpijiet jew oġġetti oħra relatati u wara li saru t-testijiet kollha, fejn tqisu l-konsegwenzi possibli ta’talli xenarji, fosthom ta’ nirien, splużjonijiet jew sħaba tal-gass, ġie ċċarat li mhux biss ittieħdu l-prewkażjonijiet kollha, iżda m’hemm l-ebda riskju li jaqbeż il-livelli u standards fi prattiċi bħal dawn. Dan kollu fil-kuntest li ċ-ċans li jintlaqtu partijiet lil hinn mill-impjant u t-tanker huwa biss ta’ darba kull 100,000 sena.
Ir-rapporti jgħidu wkoll li mhux biss qed jittieħdu l-mizuri kollha biex is-sigurtà tkun assigurata u biex ix-xenarji li ġew studjati ma jseħħux, fost oħrajn mizuri preventivi li jinkludu proċeduri bħal alarms, sistemi ta’ sigurtà u pressure safety valves, iżda aktar minn hekk qed jittieħdu mizuri li jekk f’każ estrem jinqala’ xi ħaġa, ikun hemm l-għodda kollha għad-dizpożizzjoni sabiex wieħed ikun jista’ jaħdem permezz ta’ sistemi li jinnotifikaw f’każ ta’ ħruq, u ħruġ ta’ gass, sistemi ta’ għeluq biex il-ħsara ma tinfirix u tifi tan-nar. Ir-rapporti jgħidu wkoll li waqt li se jsiru l-operazzjonijiet neċessarji fuq it-tanker u l-powerstation, biex ikun trasferit il-gass, se jibqa’ jsir eżerċizzju regolari biex titieħed l-informazzjoni kollha sabiex il-prattiċi jkunu dejjem imtejba.
Ir-rapporti marittimi jaraw li hemm possibilità remota li jkun hemm impatt bejn it-tanker tal-LNG sorġut fil-bajja u t-tanker l-ieħor li se jkun qed jagħmel ir-refuelling, kif ukoll ċansijiet baxxi ta’ impatt ma’ bċejjeċ oħra tal-baħar. Ma jeżistu lanqas l-ebda perikli jew possibilitajiet li t-tanker li se jkun qed iġib il-fuel lejn Malta jkun penetrat kemm waqt li jkun qed jimmanuvra u anke permezz ta’ impatt ma’ bċejjeċ tal-baħar.
Dan it-tanker li se jkun qed jimla’ lit-tanker l-ieħor huwa mistenni li jidħol darba fix-xahar u ċ-ċans ta’ ħabta huwa ta’ darba f’71,866 sena, jekk kemm il-darba jkun hemm ħabta, dawn il-ħabtiet huma mistennija li jkunu head-on u allura l-ebda ċans ta’ ħsara fejn ikun hemm merfugħ il-gass li jkun qed jinġarr mit-tanker.