L-eks Ministru għall-Finanzi, Rishi Sunak, u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Liss Truss, huma ż-żewġ kandidati finalisti fit-tellieqa għall-Kap tal-Partit Konservattiv tar-Renju Unit.
Xi ħadd min dawn it-tnejn se jkun is-suċċessur ta’ Boris Johnson, li rriżenja aktar kmieni dan ix-xahar.
L-elezzjoni sabiex ikun magħruf min, bejn Sunak u Truss, se jkun is-suċċessur ta’ Boris Johnson, se ssir fil-ħamsa ta’ Settembru.
Fl-aħħar rawnd ta’ votazzjoni bejn il-membri parlamentari, Rishi Sunak ġab 137 vot, warajh ġiet Liss Truss, li ġabet 113-il vot, u Penny Mordaunt ġabet 105 voti.
Mordaunt għalhekk ġiet eliminata, hekk kif ġabet l-inqas voti mit-tliet kandidati.
Intant, matul il-jum tal-Erbgħa, il-Prim Ministru Boris Johnson wieġeb l-aħħar sessjoni ta’ interprellanzi parlamentari bħala Prim Ministru. Huwa qanqal spekulazzjoni li jista’ jkun qed jippjana li jerġa’ jikkontesta billi għalaq bil-frażi “Hasta la vista baby”, li tfisser ‘naraw aktar tard’.
Waqt l-aħħar indirizz fil-Parlament Brittaniku, Boris Johnson saħaq li kienu n-nies li wassluh biex jidħol fil-politika u qal li fl-aħħar snin kien l-ikbar privileġġ ta’ ħajtu li jservi bħala Prim Ministru.