Il-Gvern inawgura klinika fil-komunità ġdida f’Santa Luċija, bħala parti mill-istrateġija li jkompli jifrex is-servizzi tas-saħħa fl-irħula kollha madwar Malta u Għawdex.
F’konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru spjega kif din il-berġa se toffri servizzi differenti lil madwar tlett elef resident u nies li jgħixu fil-madwar.
Tenna kif il-ħidma f’din il-klinika ħadet madwar sena u nofs u l-investiment ġej mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali.
Fil-fatt dwar dan tkellem is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat, li spjega kif għal dawn il-proġetti, li raw il-ftuħ u l-irrinovar ta’ ħafna bereġ u kliniċi differenti mifruxa madwar Malta u Għawdex, ġew ivvutati mal-għaxar miljun ewro.
Apparti servizz ta’ tabib u infermier, f’din il-klinika se jiġu offruti servizzi ta’ podjatrija, fiżjoterapija u speech and language therapy.
Is-Sindku ta’ Santa Luċija Charmaine St John, spjegat li r-residenti se jgawdu minn servizzi tas-saħħa mill-aqwa iktar qribhom fil-komunità.