Fir-residenza ta’ San Vincenz de Paul għaddej xogħol kontinwu b’investiment għal ambjent isbaħ u aktar komdu għall-anzjani.
Dan ġie nnotat waqt żjara li għamel qabel il-laqgħa tal-Kabinett mal-anzjani, il-Prim Ministru Robert Abela. Il-pjan ta’ riġenerazzjoni hu mifrux fuq medda ta’ ħames snin u sa issa sar rinovar f’dsatax-il sala.
Fil-fatt waqt iż-żjara ġie nnutat tibdil strutturali importanti li jinvolvi spazji komuni, kmamar akbar u mgħammrin b’aktar kumdità għar-residenti u aperturi li jagħtu aktar dawl naturali. Dan apparti tagħmir mediku aktar modern fosthom sodod ġodda tal-elettriku u apparat ieħor li għandu x’jaqsam mal-kura diretta tal-anzjani.
Matul iż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru innota li l-anzjani f’residenzi bħal ma’ hi San Vincenz de Paul, jgħixu wkoll f’komunità li fiha jistgħu jibqgħu attivi u jgawdu minn kwalità ta’ ħajja aħjar permezz anki tal-aqwa servizzi tas-saħħa offruti lilhom.
Akkumpanjat mill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela u s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea, il-Prim Ministru Robert Abela żar ukoll Ġnien ix-Xewqat Sbieħ.
Ġnien li huwa mmirat biex jgħin persuni bid-dimensja li flimkien mal-għeżież tagħhom jissoċjalizzaw u jżommu ruħhom attivi. F’żoni differenti ta’ dan il-ġnien hemm postijiet għall-qari, smigħ tal-mużika u ambjent sabiħ imżewwaq bix-xtieli.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vincenz de Paul Jorgen Souness spjega lill-Prim Ministru kif f’dan il-ġnien hemm karatteristika importanti li tqanqal il-memorji u l-esperjenzi tal-ħajja tal-anzjani.
Fil-fatt fiż-żona ‘Il-Ktieb tal-Memorji’ wieħed isib stampi ta’ avvenimenti tal-ħajja tal-imgħoddi, dwar tradizzjonijiet u drawwiet Maltin u anki fuq l-ikel tipiku Malti fost oħrajn.