B’investiment ta’ €400,000 se jkun qed jiġi rinovat ġnien belveder fil-Marsa. Dan il-proġett li se jkun qed isir b’kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Lokali tal-Marsa u Ambjent Malta se jara li l-ġnien isirlu pavimentar ġdid, tħawwil ta’ siġar u arbuxelli u l-eliminazzjoni ta’ speċi aljeni li maż-żmien kibru fil-ġnien. Il-proġett se jara wkoll li ssir zona fejn it-tfal ikunu jistgħu jilagħbu u jgawdu l-ġnien flimkien mal-familja tagħhom.
Il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli, u Tibdil fil-klima, José Herrera saħaq li dan il-proġett huwa parti mill-ħidma sabiex tingħata iżjed attenzjoni lill-ġonna u ż-żoni ambjentali f’pajjiżna. Ħidma li qed issir id f’id mal-Kunsilli Lokali.
“Din hija parti mill-proġett, mill-viżjoni tagħna għal dak li qed insejħulu urban greening. Din is-sena qed nipprovaw nagħmlu enfasi bħala Ambjent Malta illi nipparteċipaw u nidħlu fi sħab mal-Kunsilli Lokali jew ma’ entitajiet oħra governattivi jew mhux governattivi biex inħadru ftit u nattrezzaw aħjar, l-ispots ħodor li għandna din id-darba ġewwa l-bliet u ġewwa l-irħula tagħna.”
Is-Sindku tal-Marsa, Francis Debono saħaq li l-għajnuna tal-Gvern hija fundamentali sabiex isiru proġetti bħal dawn. Il-kunsill qed jistudja l-possibiltá li l-kmamar li hemm fil-ġnien isiru ċentru għall-anzjani. Dan filwaqt li l-Kunsill se jkun qed jinstalla sistema ta’ sigurtà biex il-ġnien jiġi mħares.
“ Malli jitlesta dan il-proġett se jkun qed jagħmel security cameras biex dak li jkun iħossu żgur secure għax taf inti f’ċertu ġonna jaqgħulek ċertu abbużi allura dawk inti tkun trid tneħħiehom biex dak li jkun tattiraħ iktar biex jiġi fil-postijiet, fil-ġonna miftuħa.”
Iċ-Ċermen ta’ Ambjent Malta, Conrad Borg Manché saħaq li din it-tip ta’ ħidma mal-Kunsilli Lokali u r-reġjuni hija t-triq ‘il quddiem sabiex jintlaħqu l-ġonna fil-lokalitajiet kollha.