Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea ħabbar ir-rinovazzjoni estensiva ta’ żewġ swali ewlenin fir-residenza San Vinċenz de Paul. Din ir-rinovazzjoni, f’St Francis Ward 1 u St Francis Ward 2, se tkun qed issir b’investiment ta’ €1.6 miljun. L-iskop wara dan il-proġett ambizzjuż huwa li joffri ambjent aktar komdu u modern għall-anzjani residenti, flimkien ma’ faċilitajiet u riżorsi aħjar għall-istaff.
Is-segretarju parlamentari qal li “B’dan l-investiment qed naraw li dawn iż-żewġ swali mhux biss se jsiru aktar sbieħ u moderni, iżda se jkunu mgħammra b’dak kollu meħtieġ sabiex nilħqu l-istandards li l-anzjani tagħna jistħoqqilhom. Dan huwa pass ieħor fil-viżjoni tagħna li nipprovdu l-aqwa kura possibbli lill-anzjani tagħna, filwaqt li nkomplu nsaħħu r-riżorsi umani li huma indispensabbli għal dan is-settur.”
Iż-żewġ swali, li jkopru total ta’ 2,000 metru kwadru, se jsirilhom tibdil strutturali estensiv li jinkludi l-espansjoni ta’ spazji komuni, kmamar akbar, u aperturi ġodda. Ix-xogħlijiet jinkludu sistemi ta’ arja kkundizzjonata ġodda, servizzi ta’ ilma u drenaġġ imtejba, u sistema ta’ ossiġnu mediku li se jwassal l-ossiġnu direttament fil-kmamar. Din ir-rinovazzjoni tagħti wkoll attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet tal-anzjani bid-dimensja, bi kmamar tal-banju aċċessibbli u privati f’kull kamra. Dan biex l-ambjent tar-residenza joffri l-aqwa kwalita tal-ħajja lill-anzjani.
It-tlestija ta’ dan il-proġett hija skedata għall-aħħar ta’ din is-sena, fejn l-anzjani residenti se jkunu jistgħu jgawdu minn dawn il-faċilitajiet ġodda u mtejba.