L-Azzjoni Kattolika Maltija fiż-Żurrieq (ŻAK) ibbenefikat minn fondi tal-NGO Co-Financing Fund, li huwa amministrat mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS). Dawn il-fondi għenu sabiex proprjetà li għandhom fiż-Żurrieq, li ġarrbet xi ħsarat, saritilha manutenzjoni u rinnovazzjoni infrastrutturali estensiva sabiex terġa’ tkun sigura u akkoljenti għall-ħidma li qed issir minn din l-għaqda, sabiex aktar żgħażagħ ikollhom l-opportunità li jieħdu sehem f’laqgħat u attivitajiet tal-grupp li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ħolistiku tagħhom.
Waqt żjara, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-MCVS Mauro Pace Parascandolo, raw ix-xogħol li sar f’dan iċ-Ċentru.
L-NGO Co-Financing Fund tgħin għaqdiet volontarji fil-kofinanzjament ta’ proġetti ffinanzjati minn Fondi Ewropej. L-applikazzjonijiet għall-iskema għal din is-sena se jiftħu fis-sit elettroniku vofunding.org.mt mill-Erbgħa 29 ta’ Jannar 2025 f’nofsinhar.
Apparti l-NGO Co-Financing Fund, l-Azzjoni Kattolika Maltija applikat b’suċċess għal diversi fondi oħra inkluż taħt Miżura 2: Strengthening a Healthy Cultural Identity tal-programm Leader amministrat mill-Gal Xlokk Foundation u mill-iskema Irrestawra Darek maħruġa mill-Planning Authority, biex wettqet ukoll xogħlijiet ta’ restawr tal-aperturi tal-faċċata.
Preżenti wkoll waqt iż-żjara kien hemm is-Sindku tal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq, Rita Grima, il-President taż-ŻAK, Michela Baldacchino, u Mario Calleja, Viċi-Chairman tal-Fondazzjoni GAL Xlokk.