Fil-Baġit 2024 tħabbar kif se tkun qed jibdew il-fażijiet preliminari fuq skejjel Primarji ġodda fil-Mosta u l-Mellieħa.
Dan minbarra li se tibda wkoll l-ewwel fażi ta’ rinnovar u mmodernizzar tal-Iskola Primarja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi.
Dan l-investiment jingħaqad ma’ dak li, fl-aħħar xhur, ra mijiet ta’ studenti jidħlu fi skejjel ġodda fin-Nadur, Ħal Għaxaq u r-Rabat, filwaqt li tlesta x-xogħol fuq is-Sala Teatru u l-Kumpless Sportiv ta’ Santa Luċija.
Fil-preżent għaddej ukoll ix-xogħol fuq l-iskola tal-Imsida u l-bini ta’ skola Primarja ġdida fir-Rabat, Għawdex, liema skola se tkun qed titlesta sa Awwissu 2024.
F’Għawdex għaddej ġmielu wkoll ix-xogħol fuq il-proġett li ra investiment li jiżboq il-€21 miljun fl-estensjoni u r-rinnovar estensiv tal-Iskola Medja, bix-xogħlijiet mistennija jkunu konklużi f’Jannar tas-sena d-dieħla.