B’investiment ta’ €80,000 sar rinnovar estensiv f’Dar l-Impenn f’Ħal Farruġ.
Din id-dar titmexxa mis-Sedqa, fejn toffri servizzi mediċi, erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, bl-għan li r-residenti jingħataw it-trattament għal sustanzi qabel ġeneralment jidħlu fi programm ta’ rijabilitazzjoni.
Dan il-proġett ta’ rinnovar estensiv ġie inawgurat mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon. Waqt din l-inawgurazzjoni ġie spjegat kif f’din ir-residenza, ir-residenti jagħmlu ġimgħa u jkunu ssorveljati minn infermiera u carers.
Id-Direttur tal-Operazzjonijiet ta’ Sedqa, Charles Scerri sostna li s-sena l-oħra f’din id-dar marru mija ħamsa u disgħin persuna, b’mija tmienja u ħamsin kienu rġiel, waqt li sebgħa u tletin kienu nisa. Ġie spjegat ukoll li tnejn u sebgħin fil-mija ta’ dawk li marru f’din ir-residenza għamlu l-ġimgħa sħiħa ta’ trattament, qabel imbagħad marru jagħmlu l-programm jew marru lura fis-soċjetà.
Il-Ministru Falzon sostna li dawn huwa proġett li juru kemm is-soċjetà trid tkun waħda inklussiva.
Qal, “Hawnhekk qed nitkellmu forsi fuq pocket relattivament żgħir ta’ nies, fejn għandek persuni li għandhom diffikulta f’addictions, sew jekk sustanzi u sew jekk huma alkoħol. Dan huwa servizz nazzjonali li jservi sew lill-Komunità Santa Marija u s-servizzi l-oħra li jeżistu. Ta’ min jgħid li jiffinanzjahom il-Gvern, f’pajjiżna naħseb għandna barka li s-servizzi kollha relatati huma kollha b’xejn u l-almu tagħna huwa li l-ġustizzja soċjali tasal għand kulħadd.”
Preżenti wkoll kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi u l-Ħarsien Soċjali, l-FSWS, Alfred Grixti, li qal li din is-sena s-Sedqa qed tagħlaq tletin sena mit-twaqqif tagħha.