Il-Gvern permezz tal-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija ffirma ftehim ma’ żewġ kumpaniji.
Dan biex il-kumpaniji Attrans u White Brothers se jiġu rilokati f’parti oħra taż-Żona Industrjali ta’ Ħal Far. Dan biex l-art li kienu qed jokkupaw tkun tista’ tintuża għall-proġett tat-trakka tal-karozzi.
Il-Ministru Silvio Schembri qal li l-impenn tal-Gvern huwa li din it-trakka titwettaq.
Il-Ministru Schembri spjega kif il-pass tal-lum huwa xhieda ċar tal-impenn tal-Gvern li x-xogħol qiegħed isir sabiex din il-wegħda tat-trakka titwettaq.
Spjega kif saret ħidma biex jinstab sit alternattiv, b’rilokazzjoni hija art mifruxa fuq medda ta’ 27,000 metru kwadru li dawn jistgħu jintużaw wara li tlestew għadd ta’ toroq ġodda f’Ħal Far.
Qal, “Dan huwa Gvern li jwettaq dak li jwiegħed. Kif filfatt ħabbar il-Prim Ministru l-proġett tat-trakka bi pjanti oriġinali, rajna li ħdimna biex naraw li dak il-proġett jitwettaq. Kien fadal l-aħħar impedament, dak li jkollok żewġ kumpaniji li joperaw f’din iż-żona sabiex jimxu mill-post fejn qed joperaw għal sit alternattiv.”
Hawnhekk il-Ministru Silvio Schembri spjega kif dawn iż-żewġ kumpaniji se jkollhom l-għajnuna minn Indis Malta waqt il-proċess ta’ rilokazzjoni, minn appoġġ tekniku sa dak finanzjarju.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni tal-Motorsport Jonathan Bruno laqa’ dan il-pass li se jwitti t-triq għall-bidu tax-xogħlijiet fuq it-trakka.
Spjega, “Huwa pass importanti ħafna dan tal-lum. Konna ilna nistennewh naqa mhux ħażin, konna nafu, li mhux problemi, imma biex tmexxi żewġ kumpaniji minn hawnhekk u tirrilokahom, ma kinitx xi ħaġa sempliċi, imma fl-aħħar waslet ukoll u issa nibdew nispera, kemm jista’ jkun malajr bil-proġett tagħna. Issa huwa veru fatt li l-proġett jista’ jibda, xi ħaġa li ilna nistennewha snin minn qabel twilidt jiena, jiġifieri minn issa ’l quddiem nistgħu nimxu ’l quddiem biss.”