Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ta dettalji ta’ rilaxx ieħor bħala parti mill-pjan ta’ ħruġ mill-pandemija.
Fearne sostna li abbażi tax-xjenza jidher li hemm immunità b’saħħitha għall-Covid-19 u minn nhar it-Tnejn li ġej il-perjodu ta’ kwarantina għal dawk meqjusa bħala kuntatti primarji ma’ xi ħadd pożittiv għall-virus, il-perjodu ta’ kwarantina se jinżel minn sebat ijiem għal ħamest ijiem.
Dan wara li jiġi provdut test negattiv u l-persuni inkwistjoni jkollhom ċertifikat tal-vaċċin validu.
Id-Deputat Prim Ministru qal li jekk is-sitwazzjoni tibqa’ waħda stabbli, għall-kuntatti primarji, il-kwarantina titneħħa kompletament.
Fis-7 ta’ Marzu wkoll dawk li jkunu pożittivi għall-Covid-19 f’darhom, il-kwarantina tinżel minn għaxart ijiem għal sebat ijiem wara li jagħmlu rapid test u jirriżulta fin-negattiv.
Dan kollu li ħabbar il-Ministru għas-Saħħa japplika għat-tfal jekk ikunu mlaqqma.
Fearne qal li f’din ix-xitwa mhux mistenni jkollna bżonn ir-raba’ doża tal-vaċċin kontra l-Covid-19.
Il-Ministru Fearne ħabbar ukoll rilaxx fl-ilbies tal-maskri.
Fil-fatt, mill-14 ta’ Marzu, l-ilbies tal-maskri f’postijiet pubbliċi aperti mhux se jibqa’ obbligatorju.
Id-Deputat Prim Ministru spjega wkoll li għat-tieni sena reġa’ kellna ftit każijiet żgħar ta’ influwenza b’kuntrast mal-Covid-19.
Il-Ministru Fearne spjega kif dan huwa indikattiv għall-użu tal-maskri li mhux biss għen biex jitnaqqas it-tixrid tal-Covid-19 iżda wkoll għall-influwenza.
Dwar il-funerali d-Deputat Prim Ministru ħabbar ukoll li wara arranġamenti mal-kamra mortwarja, il-perjodu li jista’ jsir il-funeral għal dawk bill-Covid-19 ġie estiż għal 48 minn 24 siegħa.
Hemm ukoll ħidma għaddejja biex jitnaqqas iż-żmien li jinfetaħ il-qabar fejn hemm midfuna persuni li mietu waqt li kienu pożittivi għall-Covid-19.
Spjega kif il-ħsieb huwa li ż-żmien jinżel għal ħames snin, minn għaxar snin.
Intant Chris Fearne rrimarka kif 79% tal-adulti huma mlaqqma bil-booster.
Huwa spjega wkoll kif ingħataw 25,000 doża tal-vaċċin tat-tfal.
Dan jammonta għal 42% tat-tfal.
Hawn id-Deputat Prim Ministru tenna l-importanza biex min għadu ma tlaqqamx kemm bil-booster jew inkella bil-vaċċin tal-Covid-19, dawn jistgħu jagħmlu dan billi jmorru jieħdu t-tilqima fil-walk-in clinics.