Il-kawża tal-isptarijiet kontra l-Avukat tal-Istat li fetħu l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech u Adrian Delia se tkompli tinstema’ quddiem Imħallef ieħor wara li l-Imħallef Giovanni Grixti rrikuża ruħu.
L-Imħallef Grixti rrikuża ruħu għar-raġuni li s-sieħba tiegħu, Dr Yanika Marie Bugeja nħatret minn Imħallef ieħor bħala Kuratur biex tiffirma l-kuntratt għat-tħassir tal-ftehim tal-isptarijiet.
Jirriżulta li din il-ħatra saret ħamest ijiem ilu biss, li jfisser ġimgħat wara li nfetħet il-kawża li kellu jismaha l-Imħallef Grixti u wara li l-Qorti ddifferiet il-kawża għad-deċiżjoni li kellha tingħata dalgħodu dwar jekk it-talba tal-Gvern biex jiddaħħal fil-kawża, tintlaqax jew le.
Kienet il-Qorti stess permezz ta’ deċiżjoni mill-Imħallef Francesco Depasquale li ħatret is-sieħba ta’ Grixti biex tiffirma għan-nom ta’ Steward HealthCare.
Fl-ewwel seduta, l-Imħallef Grixti kien ġie attakkat minn Bernard Grech għaliex l-kuġin tal-Imħallef, illum mejjet u li l-istess Oppożizzjoni kienet sellmitlu meta ħalla din id-dinja, kien għamel xi xogħol għall-Gvern bħala kirurgu u dan b’rabta mal-proposta ta’ Steward, snin ilu.
Intant fit-talba tiegħu f’din il-kawża ta’ Bernard Grech u Adrian Delia, il-Gvern qed jargumenta li huwa inaċċettabbli li l-Oppożizzjoni thedded lill-istituzzjonijiet, fosthom lill-Avukat tal-Istat li jagħmel jew kif jidhrilha hi u kif tiddeċiedi hi inkella tattakkah.
Raġuni oħra li wasslet lill-Gvern jitlob lill-Qorti biex ikun parti mill-kawża hi l-ħsara li tista’ ssir lejn l-proċeduri li għandu l-Gvern fl-Arbitraġġ Internazzjonali kontra Steward.
F’dan l-Arbitraġġ tal-International Chamber of Commerce, il-Gvern diġà rebaħ darbtejn kontra Steward f’każ li l-Gvern qed jgħid li fejn Steward naqset li tonora l-obbligi tagħha, trid tirrifondi lura.
Il-ġimgħa li għaddiet il-Prim Ministru Robert Abela appella wkoll lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech biex ilkoll jiġbdu ħabel wieħed fil-kawża tal-Arbitraġġ Internazzjonali dwar il-kawża tal-isptarijiet ħalli jkompli jiġi mħares l-interess nazzjonali mingħajr imminar taċ-ċansijiet quddiem l-istess Arbitraġġ.