Ġenituri separati ta’ tifla li tinsab irreġistrata biex tibda tattendi fi skola f’Ta’ Paris, ressqu rikors konġunt quddiem il-Qorti tal-Familja. Dan wara li l-awtoritajiet tal-iskola ordnawlhom li jekk ma jipprovdux dokument li jiċċertifika l-kura u l-kustodja tat-tifla, l-iskola ma taċċettax li ddaħħal lil binthom.Il-ġenituri kienu kostretti jagħmlu r-rikors wara li rċevew ittra ffirmata mill-Kap tal-iskola li fiha nsista fuq iċ-ċertifikat biex idaħħal lit-tifla fl-iskola. Dan anki jekk iż-żewġ ġenituri, għalkemm separati, qablu li binthom tattendi f’din l-iskola.
Mar-rikors ġew preżentati wkoll kopji tal-karta tal-identità tal-omm u tal-missier, u taċ-ċertifikat tat-twelid tat-tifla.
L-avukat li qed jidher għall-ġenituri tat-tifla argumenta li hija farsa li xi ħadd jistenna li l-ġenituri tat-tfal kollha joqogħdu jmorru l-Qorti biex jiksbu dan id-dokument meta diġà jkun hemm qbil formali miż-żewġ ġenituri.
Huwa talab lill-Qorti biex tikkonferma li m’hemmx bżonn ta’ digrieti jew rikorsi li jwasslu għal spejjeż legali biex jesprimu t-tħassib raġjonevoli fl-aħjar interessi tat-tifla.
Sadanittant talab lill-Qorti biex tordna li kemm l-iskola u l-awtoritajiet ikkonċernati jaċċettaw dokumenti ffirmati miż-żewġ ġenituri bħala prova suffiċjenti għall-kunsens tagħhom.