F’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta ġiet rikonoxxuta l-ħidma tal-Kunsilli Lokali f’pajjiżna, f’għeluq t-tletin sena mit-twaqqif tagħhom.
Tliet Kunsilli Lokali u tnejn u erbgħin persuna ġew rikonoxxuti għall-impenn tagħhom b’rabta mal-Kunsilli, filwaqt li d-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u l-Assoċjazzjoni tas-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali u Reġjuni ġew ippreżentati b’rikonoxximent tal-ħidma tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, stqarret kif il-Kunsilli Lokali għandhom irwol importanti għaliex huma l-ewwel punt ta’ referenza għar-residenti Maltin u Għawdxin.
Qalet, “Tletin sena ta’ Kunsilli Lokali f’pajjiżna, tletin sena servizz lir-residenti Maltin u Għawdxin għaliex il-Kunsilli Lokali huma l-ewwel għajnuna lir-residenti.”
Il-Ministru għall-Gvern Lokali, Owen Bonnici nnota l-importanza tax-xogħol li jagħmlu l-Kunsilli Lokali.
Qal,“U allura x’hemm isbaħ mill-ġurnata tal-lum biex nagħtu rikonoxximenti lil tant nies li jagħmlu ħidma importanti ħafna fl-irħula u l-ibliet tagħna.”
Is-serata mtella’ se tixxandar fuq TVMNews+, nhar is-Sibt 18 ta’ Novembru fid-disgħa ta’ filgħaxija.