Erbgħin restorant f’pajjiżna b’mod uffiċjali ngħataw il-plakka tal-Michelin wara li ġew rikonoxxuti fil-ħames edizzjoni tal-gwida għal Malta. L-ażjenda Michelin hi rinomata għal evalwazzjoni internazzjonali li tagħmel fl-eċċellenza kulinarja.
Notevoli jispikka r-restorant Ion Harbour li ngħata t-tieni stilla Michelin biex b’hekk issa hu l-uniku f’pajjiżna li jikklassifika bħala restorant b’żewġ stilel.
Il-massimu ta’ stilel li restorant jista’ jikseb huma tlieta.
Sadanittant, fl-istess konferenza tal-aħbarijiet ġew rikonoxxuti s-sitt restoranti li għandhom stilla waħda fuq il-gwida Michelin. Ir-restorant Rosami f’San Ġiljan ikklassifika għall-ewwel darba mar-restoranti Bahia, De Mondion, Fernandõ Gastrotheque, Noni u Under Grain li lkoll żammew l-istilla li kienet ngħatatilhom fi gwidi Michelin preċedenti.
Dawk ir-restoranti rikonoxxuti fis-sezzjoni Bib Gourmand Establishments telgħu għal ħamsa bil-klassifikazzjoni tar-restorant AYU fil-Gżira.
Ġew rikonoxxuti wkoll ir-restoranti li klassifikaw fis-sezzjoni ta’ stabbilimenti rakkomandati fil-gwida Michelin. F’din is-sezzjoni hemm tmienja u għoxrin restorant. Terroir, Level Nine by Oliver Glowig, One80 St. Christopher Street, Kaiseki u Al Sale fix-Xagħra Għawdex ikklassifikaw f’din is-sezzjoni proprju fil-gwida ta’ din is-sena.
B’rabta ma’ dawn ir-riżultati sbieħ li jkomplu jixhdu kemm qed javvanza s-settur tal-ospitalità, partikolarment fil-gastronomija, il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, irrimarka kif il-livell milħuq minn dawn ir-restoranti hu xhieda tat-talent Malti fil-qasam.
“Irridu naraw li dan il-livell ta’ kwalità jinżamm u kemm jista’ jkun jitjieb għas-snin li ġejjin, għax dan hu settur u din hi niċċa partikolari ħafna li kapaċi tattira turiżmu matul is-sena kollha u għalhekk din se tgħin biex inkomplu nsaħħu s-sostenibbiltà tat-turiżmu f’pajjiżna mhux biss għal lum, iżda anke għas-snin li ġejjin.”
Clayton Bartolo – Ministru
Il-Ministru Bartolo sostna wkoll l-importanza tal-edukazzjoni fil-qasam, fosthom bl-ITS, li llum il-ġurnata qed joffri għażla vasta ta’ korsijiet fil-qasam biex dan ikompli jilħaq livell għoli ta’ kwalità
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għat-Turiżmu, Carlo Micallef, tenna s-sodisfazzjon tiegħu b’rabta ma’ dan it-tragward importanti u spjega kif dawn ir-restoranti se jkomplu jattiraw turisti li proprju jfittxu restoranti f’din il-gwida, filwaqt li jipprovdu l-aqwa livell ta’ ospitalità għat-turist inġenerali.