F’ċerimonja ta’ ġieħ lid-donaturi tad-demm fil-Palazz Verdala, il-President ta’ Malta George Vella radd ħajr lid-donaturi kollha għall-att ta’ karità li jwettqu lejn ħaddieħor, ikun min ikun.
Qal li huma jagħtu eżempju ċar ta’ kif il-kuxjenza soċjali tgħinna ma naħsbux biss fina nfusna, imma nqisu wkoll il-bżonnijiet ta’ dawk vulnerabbli.
B’esperjenza vasta fil-professjoni medika, il-President irrimarka kif donazzjoni waħda tad-demm għandha l-potenzjal li ssalva mill-inqas tliet ħajjiet, u nnota kif il-poplu Malti dejjem irrisponda bi ħġaru meta kien hawn sejħa għad-demm.
Waqt li kien qed jindirizza lil ħamsa u għoxrin donatur tad-demm li spikkaw fid-donazzjonijiet tagħhom, il-President stqarr li grazzi għalihom u għal oħrajn bħalhom, il-pazjenti jkollhom tama ikbar ta’ fejqan u ħajja aħjar.
“Infakkarkom li lkoll kemm aħna għandna d-dmir li ngħinu lil ħaddieħor fi spirtu ta’ għaqda u solidarjetà. Dawn il-valuri m’għandniex inħaddnuhom biss fil-prinċipju iżda huma valuri li rridu ngħixuhom kontinwament fil-prattika u matul ħajjitna.”
Il-President ħeġġeġ aktar nies biex isiru donaturi, ħalli r-riserva tad-demm qatt ma tkun fil-periklu li tispiċċa.

