L-ewwel edizzjoni tal-Malta National Transport Awards, imtella’ minn Transport Malta b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura, u l-Proġetti Kapitali, ikkonkludiet b’ċelebrazzjoni ta’ innovazzjoni u eċċellenza fis-settur tat-trasport.
Dan l-avveniment irrikonoxxa u iċċelebra wħud mill-aqwa kontribuzzjonijiet favur it-titjib tat-trasport u l-mobilità f’Malta.
Ir-rebbieħa jinkludu lil Malta Public Transport fis-settur tal-infrastruttura, Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, fis-settur tal-Innovazzjoni, l-Aegle Foundation, fis-settur tal-Modal-shift u Malta Post plc fis-settur tas-Sostenibbiltà.
Il-Ministru Aaron Farrugia qal li dan l-avveniment immarka pass importanti fil-mixja ta’ pajjiżna lejn settur tat-trasport aktar sostenibbli, effiċjenti, u inklużiv.
Qal, “Nippremjaw l-industrija, u dawk l-attivitajiet, u l-Gvern Lokali wkoll, li qed jiġu ’l quddiem b’miżuri b’ħafna xogħol, li jkomplu jieħdu l-pajjiż ’il quddiem.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, is-Sur Jonathan Borg, saħaq fuq l-impatt tat-trasport fuq kull aspett tas-soċjetà.
Godwin Mifsud, li huwa s-Segretarju Permanenti fi ħdan l-istess Ministeru, qal li din hija okkażjoni biex nirriflettu u niċċelebraw il-ħafna sforzi tal-imsieħba fil-qasam b’appoġġ għall-viżjoni tal-gvern favur futur aktar nadif, ekoloġiku u sostenibbli.
Stqarr, “Kien hemm proġetti ta’ kwalità għolja, u nħarsu ‘l quddiem li dan il-premju, jistabbilixxi ruħu fix-xena bħala premju li jingħata ta’ kull sena.”