“Wara l-baħħ tal-vojt
il-mili ta’ kollox.
Wara x-xejn ta’ kulħadd
il-ħafna tal-ftit.”
L-awtur u poeta li bil-pinna tiegħu żewwaq dawn il-versi fost l-oħrajn, din is-sena huwa l-awtur onorat bil-premju midalja tad-deheb “Ġieħ l-akkademja tal-Malti”. Dan huwa ħadd ħlief, Victor Fenech il-moħħ wara l-ktieb li bosta studenti Maltin studjaw fuq il-bank tal-iskola primarja snin ilu, id-Denfil. Madankollu, tul ħajtu ħalla legat liema bħalu fil-lingwa Maltija. Legat li l-biċċa l-kbira tiegħu jikkonsisti fi poe-proża u f’poeżija imżewġa mal-arti.
Fenech huwa magħruf kemm bħala l-poeta tal-‘protesta’, iżda wkoll tal-‘indeċiżjoni’. Dan minħabba l-mod ta’ kif jikkumpara ż-żewġ naħat tal-munita b’mod deċiżiv fil-poeżiji tiegħu u l-mod ta’ kif bil-pinna tiegħu iwassal messaġġ ta’ protesta.
Madankollu, ma’ ONE News Fenech stqarr kif l-Malti mhux dejjem kien suġġett għal-qalbu u kien propju b’kumbinazzjoni li rnexxielu jiskopri din in-namra tiegħu. Huwa stqarr magħna: “Jien il-Malti fil-bidu nett ma kontx inħobbu, kont iffissat fuq l-Ingliż jiġifieri fi żmien il-liċeo u l-history. Imma meta attendejt il-kors tal-Università ridna nieħdu tliet suġġetti għall-‘finals’ u bdejt ngħid “x’naqbad nieħu t-tielet wieħed” u ddeċidejt il-Malti. Però fil-kors ta’ erba’ snin irrealizzajt illi l-Malti diġà għandna mhux lingwa sabiħa u lingwa unika għax lingwa mħallta, m’hawnx oħra bħalha, imma rrealizzajt ukoll illi diġà għandna letteratura qawwija hawnhekk. U speċi komplejt nikteb u għadni nikteb sal-lum.”
Din hija r-raba’ darba li dan l-unur ġie preżentat mill-Akkademja tal-Malti li kif spjegat il-Presidenta tal-Akkademja, Ann Marie Schembri, jingħata kull sena fl-14 ta’ Novembru hekk kif din il-ġurnata għandha sinifikat importanti għall-akkademja.
Schembri sostniet: “L-14 ta’ Novembru hija l-ġurnata li fiha twaqqfet l-akkademja tal-Malti, dak iż-żmien kienet l-għaqda kittieba tal-malti, allura qisu t-twelid tal-akkademja huwa l-erbatax. Allura hija l-ġurnata li fiha ħsibna li tajjeb li personaġġ li ikun ħadem daqshekk għall-Malti jingħata dan ir-rikonoxximent f’din il-ġurnata u allura qisna nżewġu dawn iż-żewġ affarijiet flimkien.”
Fil-fatt din is-sena l-akkademja qed tiċċelebra d-99 sena mit-twaqqif tagħha.
L-unur tal-midalja tad-deheb ġieħ l-akkademja tal-Malti ingħata waqt ċelebrazzjoni fil-Palazz ta’ San Anton taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta George Vella.