Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis attenda attività li fakkret il-15-il anniversarju mill-ftuħ ta’ Dar Casa Antonia, li tinsab f’Ħal Balzan.
Anthony Agius Decelis tkellem fuq l-importanza li l-anzjani tagħna li jmorru jgħixu f’dar residenzjali jħossuhom parti integrali minn dik id-dar, jibqgħu attivi, kif ukoll jgħixu livell ta’ ħajja għolja. Is-Segretarju Parlamentari rringrazzja lit-tmexxija ta’ Dar Casa Antonia tal-ħidma tagħhom fis-settur tal-anzjani.
Waqt din l-attività ġew premjati 33 ħaddiem għad-dedikazzjoni tagħhom. Is-Segretarju Parlamentari, flimkien mad-direttur maniġerjali Edward Vella u l-general manager Sarah Cassar, irringrazzjaw lill-ħaddiema tad-dedikazzjoni u s-servizz li joffru lir-residenti. Uħud minn dawn il-ħaddiema ilhom joffru servizz għal 15-il sena.
Anthony Agius Decelis qal li l-ambjent li toffri din id-dar, is-servizzi li jingħataw, u l-attivitajiet li jiġu organizzati jżommu lill-anzjani residenti kuntenti u attivi.