Il-proċess tal-awtomizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tal-għoti tal-In-Work Benefit ġie rrikonoxxut u ppremjat mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Sigurtà Soċjali (ISSA) fil-Forum Reġjonali Ewropew li qed jiltaqa’ ġewwa Porto, fil-Portugall.
Malta ngħatat “Certificate of Merit with Special Mention” għas-sottomissjoni tagħha “Digitalization of the In-Work Benefit Scheme: A key labour market incentive – The Maltese innovative approach in combatting non-take-up through process transformation and automation”.
Permezz ta’ din l-awtomizzazzjoni, mhux biss dawk eliġibbli għall-In-Work Benefit m’għandhomx bżonn aktar japplikaw, iżda n-numru ta’ dawk eliġibbli kiber bi kważi erba’ darbiet minn madwar 6,000 għal 23,000, li wassal biex dan il-benefiċċju qed jirċevuh prattikament il-familji kollha li huma intitolati għalih.
Is-Segretarju Ġenerali tal-ISSA Marcelo Abi-Ramia Caetano, f’ittra lill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, kellu kliem ta’ tifħir għal din il-kisba importanti.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon saħaq li dan it-tragward huwa eżempju ċar ta’ kemm pajjiżna jinsab fuq quddiem nett kemm fl-implimentazzjoni u anke d-diġitalizzazzjoni ta’ miżuri soċjali. “L-għan tagħna huwa li nkomplu nilħqu iktar familji u nsaħħu l-livell ta’ għajxien tagħhom, filwaqt li nnaqqsu kemm nistgħu l-burokrazija u pressjonijiet relatati,” tenna l-Ministru Falzon.
“Sodisfatti li l-isforzi kbar li qed jagħmel il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, permezz tad-dipartimenti u l-entitajiet tiegħu, sabiex jimmodernizza u jissimplifika dejjem aktar il-proċessi u s-servizzi tiegħu, qed ikunu innutati u rikonoxxuti minn din l-akbar organizzazzjoni għall-istituzzjonijiet, dipartimenti u aġenziji governattivi tas-sigurtà soċjali fid-dinja,” qal is-Segretarju Permanenti Mark Musù.
Is-sottomissjoni Maltija spikkat sew minn fost il-119-il sottomissjoni minn 40 istituzzjoni msieħba fl-ISSA minn 26 pajjiż Ewropew, tant illi s-Sur Musù ġie mistieden sabiex jagħmel preżentazzjoni ta’ din l-inizjattiva innovattiva waqt dan il-Forum Reġjonali Ewropew.
Is-Sur Musù huwa wkoll wieħed mill-kelliema, flimkien ma’ rappreżentanti mill-Iżvizzera, Spanja, il-Moldova u l-Kyrgystan, fil-High-Level Social Security Policy Symposium for Europe li se jkun qed jagħlaq dan l-istess forum ġewwa Porto.
Flimkien mas-Sur Musù ġewwa Porto attendew ukoll id-Diretturi Ġenerali fi ħdan il-Ministeru Alexia Vella u George Cremona.
Ritratt: MSPC