Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana kellha laqgħa ta’ korteżija mal-atleta promettenti Għawdxija Rachel Ann Said li dan l-aħħar kellha suċċess barra minn xtutna.
L-atleta Għawdxija fil-fatt irrapreżentat lil Għawdex u lil Malta fil-WDFPF World Powerlifting Championships f’Halle, il-Ġermanja. Din il-kompetizzjoni ttellgħet bejn is-26 u s-27t’Ottubru 2019. Hija rrnexxilha tasal sal-pjattaforma tal-Kampjonati Dinjin billi kklassifikat fit-tieni post fil-klassi ta’ piż tagħha, dik ta’ 47.5kg. Rachel irnexxilha wkoll tilħaq l-aqwa rekord personali tagħha ta’ 50kg u deadlift ta’ 110kg.
Il-Ministru Caruana ferħet lill-Rachel u esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li aktar atleti Għawdxin qed jagħmlu ġieħ lill-Għawdex fuq skala nazzjonali u internazzjonali. Hija qalet li l-Ministeru għal Għawdex qed ikompli jmexxi bil-kampanja tiegħu ta’ sostenn lill-atleti Għawdxin, f’termini finanzjarji, fejn qed jassistihom sabiex jibbenefikaw minn diversi skemi li jiffaċilitawlhom l-aċċess għal aktar opportunitajiet ta’ suċċes għalihom.
Il-Ministru Caruana rringrazzjat lil Rachel u ppreżentat tifkira żgħira biex tfakkar dan is-suċċess li kisbet filwaqt li awguratilha għal aktar suċċessi fil-futur.
Ritratti: MGOZ