L-Uffiċċju Meteoroloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ħareġ twissija dwar riħ qawwi u baħar imqalleb li mistennija jolqtu lil pajjiżna mil-lum t-Tlieta waranofsinhar sa nhar il-Ħamis.
Ir-riħ mill-Majjistral hu mbassar li jilħaq sa Forza 7 u li, kawża t’hekk, pajjiżna se jkun milqut minn mewġ fil-baħar li jilħaq għoli sa erba’ metri fiż-żoni fejn jaqbel, fosthom bajjiet bħall-Golden Bay u dik ta’ Marsalforn.
Minkejja din it-twissija ta’ riħ qawwi, l-indiċi UV se jibqa’ wkoll għoli u għaldaqstant xorta għandha tittieħed attenzjoni b’kawtela fl-aktar ħinijiet qawwija tax-xemx, partikolarment bejn il-11:00 a.m. u t-3:00 p.m.
Skont l-Uffiċċju Meteoroloġiku, dan it-temp hu kkawżat minn pressjoni baxxa li tkopri l-Italja u ċ-ċentru tal-Mediterran.