- Tbassir ta’ rjieħ qawwija għall-ewwel jum tal-2019
- Mhijiex mistennija xita għal lejlet u nhar is-Sena l-Ġdida
- L-aħħar jum tas-sena hu mistenni jkun aktar niexef u sħun mill-medja, bl-ogħla temperatura tilħaq is-17°Ċ
Filwaqt li ħafna nies madwar id-dinja qed iħejju ruħhom biex jilqgħu s-sena l-ġdida fil-borra u kesħa xxoqq il-għadam, kull min ġie jew qagħad hawn Malta biex jipparteċipa fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-aħħar tas-sena madwar il-gżejjer Maltin se jieħu gost jisma’ li qed nistennew jiem xemxin u bla xita.
Illum, is-Sibt, u għada, il-Ħadd, mistennija jkunu jumejn il-biċċa l-kbira xemxin, bl-ogħla temperatura tilħaq is-16°Ċ u l-inqas tinżel sat-temperatura pjuttost kiesħa ta’ 7°Ċ. Riħ ħafif għal moderat mistenni jibda jonfoħ mill-Majjistral mil-lum, u għada jsir mill-Punent Majjistru.
Ir-riħ mistenni jitqawwa hekk kif noqorbu iktar lejn tmiem is-sena, bir-riħ moderat li jkun qed jonfoħ minn Majjistral it-Trammuntana fl-aħħar jum tas-sena jaqleb għal riħ qawwi minn Grieg it-Tramuntana nhar is-Sena l-Ġdida.
Għalkemm l-Uffiċċju Meteoroloġiku qiegħed ibassar lejlet u nhar is-Sena l-Ġdida b’iktar xemx u inqas xita mill-medja, it-temp xorta waħda mistenni jiksaħ ġmielu, hekk kif l-ogħla temperatura ta’ 17°Ċ mistennija tinżel għal 7°Ċ.
Il-31 ta’ Diċembru tal-2014 jibqa’ l-ikseħ lejlet is-Sena l-Ġdida li qatt kellna, meta t-temperaturi niżlu għal 2.1°Ċ u l-pajjiż tgħatta bis-silġ artab.