Għal din is-sena, f’Ħamis ix-Xirka filgħaxija, waqt it-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, l-Arċisqof Charles J. Scicluna xtaq li jaħsel riġlejn ta’ tfal, adolexxenti u żgħażagħ minn realtajiet differenti.
Dan fil-kuntest tal-laqgħat li l-Arċisqof qed jagħmel bi tħejjija għas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar iż-żgħażagħ imsejjaħ mill-Papa Franġisku, li ser isir f’Ottubru li ġej fil-Vatikan.
Dawk li ġew mistiedna mill-Arċisqof għall-ħasil tar-riġlejn il-bieraħ filgħaxija kienu:
Sitt itfal u adolexxenti uħud minnhom mill-Kummissjoni Djoċesana Tfal,
Tliet żgħażagħ li jwettqu ħidma volontarja u pastorali fi gruppi taż-żgħażagħ,
Żewġ koppji żgħażagħ miżżewġa,
Żewġ priġunieri żgħażagħ.
Il-priġunieri żgħażagħ ġew mistiedna personalment mill-Arċisqof waqt żjara li għamel fir-Randan f’waħda mill-faċilitajiet korrettivi tal-Istat.