Bħalissa għaddejja ħidma fi Ġnien il-Mediterran li jinsab f’Raħal Ġdid sabiex dan ikun jista’ jitgawda minn kull min iżur din il-lokalità. Il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis illum żaru dan il-ġnien sabiex jagħtu aġġornament dwar ir-riġinerazzjoni tiegħu.
Il-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima José Herrera sostna li huwa jappoġġja dan il-proġett fl-intier tiegħu. Huwa qal li dan huwa proġett li qed ikattar l-ammont ta’ sigar filwaqt li huwa xempju ta’ proġett ta’ ‘urban greening’ li l-Ministeru tiegħu jrid jixpruna ‘l quddiem. Il-Ministru Herrera reġa’ fakkar li din is-sena ser jiġu mħawla numru rekord ta’ siġar, fejn sal-aħħar tas-sena huwa mistenni li jitħawlu madwar 12,000 siġra.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis tenna li dan huwa wieħed mill-akbar ġonna li għandna fin-naħa t’isfel ta’ Malta imma sfortunatament ftit huma dawk li jafu bih. Parnis qal li nħass li dan il-ġnien għandu jkun inkluż mal-proġett ta’ riġinerazzjoni ta’ Pjazza Antoine De Paule u fil-fatt il-gvern alloka fondi addizzjonali sabiex dan iseħħ. Is-Segretarju Parlamentari tenna li meta jkun lest, dan il-ġnien ta’ madwar 30 tomna għandu jservi bħala post ta’ rikreazzjoni għal kull min iżur din il-lokalità u jagħti spinta lin-naħa t’isfel ta’ Malta.
B’rabta mas-siġar li hemm fi Pjazza Antoine De Paule, Parnis stqarr li s’issa tħawlu 34 siġra ġdida u aktar ’il quddiem se jitħawlu iżjed. Is-Segretarju Parlamentari qal ukoll li s-siġar li kien hemm qabel f’din il-pjazza, ġew salvati u tħawlu f’postijiet oħra f’Raħal Ġdid, fosthom fi Ġnien il-Mediterran, fid-daħla taċ-Ċimiterju tal-Addolorata u f’Wied Blandun. Parnis kompla jgħid li dan il-proċess sar minn diversi esperti u ttieħdu wkoll il-pariri ta’ diversi ambjentalisti. Silvio Parnis semma wkoll inizjattiva mnedija s-sena l-oħra mis-Segretarjat bl-isem “Sejħet is-Siġar”, li l-għan tagħha kien li nżidu l-għarfien fost it-tfal tagħna dwar l-importanza tas-siġar billi jingħataw ktieb edukattiv miktub minn Trevor Zahra u siġra żgħira sabiex jieħdu ħsiebha. Din l-inizjattiva kienet ta’ suċċess kbir. Fil-fatt ipparteċipaw 1,542 tifel u tifla minn madwar Malta u Għawdex.
Is-Sindku ta’ Raħal Ġdid, Dominic Grima rringrazzja lill-Ministru José Herrera u lis-Segretarju Parlamentari għall-għajnuna li qed jagħtu u li se jkomplu jagħtu sabiex dan il-ġnien isir wieħed tal-ogħla livell u sabiex dan il-lokal jibqa’ jisbieħ.
Il-Perit Christopher Mintoff qal li għal żmien twil dan il-ġnien kien minsi min-nies u kien ukoll ta’ periklu għal kull min iżuru għaliex sfortunatament kienu jsiru diversi abbużi fih. Barra minn hekk sabiex jissaqqew is-siġar li hawn f’dan il-ġnien kien hemm dejjem bżonn ta’ bowser għaliex ma kienx hemm riżerva tal-ilma. Huwa għalhekk li qed jinbena ġibjun tal-ilma li bis-saħħa tiegħu s-siġar li hemm bħalissa u oħrajn li se jitħawlu aktar ’il quddiem se jkunu jistgħu jissaqqew b’mod effiċjenti. Il-Perit Mintoff tenna wkoll li dan il-ġibjun se jkun qed jimtela’ mill-ilma tax-xita li jinqabad mill-pjazza u mill-Green Corridor. Il-Perit qal ukoll li qegħdin jiġu ffurmati passaġġi biex dan il-ġnien ikun aktar aċċessibbli għal kulħadd. Barra minn hekk dan il-ġnien se jkun aktar imdawwal u se jkollu wkoll diversi bankijiet. Il-Perit tenna wkoll li dan il-ġnien issa se jkollu aktar aċċessibilità pedonali minn qabel billi nfetaħ aċċess għalih mill-pjazza u minn Triq Cospicua permezz tal-Green Corridor, kif ukoll se jkun qiegħed jinfetaħ aċċess minn fejn l-MCAST sabiex l-istudenti t’hemmhek ikunu jistgħu jgawdu dan il-ġnien ukoll.
Waqt din il-Konferenza tal-Aħbarijiet kien hemm preżenti wkoll Herman Scifo, Konsulent tal-ELC li sostna li f’dan il-ġnien se jiġu introdotti diversi siġar indiġeni. Dawn se jitwassmu f’diversi żoni li bħalissa ħafna minnhom huma neqsin mis-siġar. Fost is-siġar li se jitħawlu se jkun hemm siġar taż-żebbuġ, siġar tal-għarar, siġar taċ-ċitru u siġar ta’ ġuda. Barra minn hekk se tiġi installata sistema ta’ irrigazzjoni awtomatika biex is-siġar jissaqqew b’mod regolari u effiċjenti.