Il-Gvern, permezz tal-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija, ħabbar li se jsir proġett ta’ riġenerazzjoni fiż-Żona Industrijali ta’ Ħal Luqa.
Dan b’investiment ta’ ħames miljuni u ħames mitt elf ewro, parti mill-investiment li ħabbar il-Gvern fil-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika f’Ġunju tas-sena l-oħra.
Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri spjega li f’din iż-żona fuq medda ta’ aktar minn tnejn u disgħin elf metru kwadru ta’ art, se jsiru żewġ proġetti.
Fl-ewwel proġett, li mistenni jkun lest f’sitt xhur se jsiru s-servizzi li hemm bżonn f’binjiet li jilqgħu kumpaniji barranin u lokali li jinvestu f’pajjiżna.
Hawnhekk se jsiru aktar minn kilometru ta’ toroq bl-asfalt.
Se jitpoġġew ukoll bjar biex l-ilma tax-xita jinżamm għas-siġar eżistenti u dawk li se jitħawlu.
F’dan il-proġett mhu se tintmess l-ebda siġra li hemm bħalissa f’din iż-żona.
Huwa qal, “Dan huwa l-messaġġ li rridu nagħtu, li m’hemmx għalfejn inti tinvesti fl-industrija jfisser li inti tmur kontra l-ambjent, iżda li jmorru t-tnejn id f’id ma’ xulxin. U allura tieħu kuraġġ u tieħu pjaċir li tmur għand dawn il-ħwienet, li jgħidulek minkejja l-pandemija sibna l-Gvern li kien ta’ sapport għalina, fittixna l-għajnuna u sibniha u komplejna nkabbru.”
Il-Kap Eżekuttiv Joseph Attard ta’ INDIS Malta, qal li x-xogħol se jsir f’erba’ fażijiet biex inaqqas kemm jista’ jkun l-inkonvenjent.
Attard stqarr: “Qed insaħħu l-infrastruttura tas-sub-stations tal-elettriku, għax bla ma trid id-domanda qed iżżid l-enerġija biex tkun aktar effiċjenti. Min-naħa l-oħra qed naraw ukoll illi mhux ħa nibqgħu nibnu b’mod tradizzjonali, fis-sens minħabba saving measures.”
Permezz ta’ dan il-proġett, aktar minn mitt negozju li joperaw minn din iż-żona, se jibbenefikaw minn ambjent aħjar wara nuqqas ta’ erba’ deċenji.
Intant, fix-xhur li ġejjin, mistennija jibdew aktar proġetti fit-toroq madwar iż-żoni industrijali ta’ pajjiżna, fosthom dawk ta’ Ħal Far, Bulebel, il-Marsa, Kordin u San Ġwann.