Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għaddej b’tisbiħ fiż-żona tan-Nigret fiż-Żurrieq, inkluż b’tibdil ta’ għadd ta’ bankini bil-għan li jkunu aktar aċċessibbli għal kulħadd.
Fil-fatt fi Triq Franġisk Coleiro, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq, fl-aħħar jiem inbeda xogħol important fuq numru ta’ bankini li se jwasslu għal infrastruttura aħjar.
Waqt żjara li għamel fuq il-lant tax-xogħol, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Omar Farrugia, seta’ jara wkoll żona li tagħmel parti mill-belvedere taż-Żurrieq, li se tkun riġenerata fi spazju miftuħ u ta’ rikreazzjoni għall-familji tal-madwar u kull min iżur din il-lokalità sabiħa.
Farrugia stqarr li dawn iż-żewġ proġetti huma xhieda tas-sinerġija bejn il-kunsilli u l-Gvern, li minnha l-benefiċċjarji ewlenin huma l-familji Maltin.
“Dak li nwegħdu qegħdin inwettquh bil-fatti. U b’kollaborazzjoni sħiħa mal-Kunsill taż-Żurrieq, qegħdin nagħmlu riġenerazzjoni sħiħa fiż-żona tan-Nigret, proprju fi Triq Franġisk Coleiro, u anke f’din iż-żona li hawn warajja, dan il-belvedere mill-isbaħ se nbiddluh fi spazju miftuħ għall-familji biex jiġu hawnhekk u jgawdu minn dan il-ġmiel li ż-Żurrieq jaf joffri.”
Farrugia qal li hu jħares ‘il quddiem li fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin jibdew proġetti oħrajn mill-Public Works id f’id mal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq.
Min-naħa tagħha, is-Sindku tal-lokalità, Rita Grima, irringrazzjat lill-Public Works li, bil-ħidma tagħhom, se jkunu qed isaħħu l-kwalità tal-ħajja tal-familji Żrieraq.