Ġnien Spencer, li jinsab biswit Triq Diċembru 13, u li huwa l-unika post miftuħ fl-inħawi tal-Marsa u l-Ħamrun, se jiġi riġenerat għal spazju isbaħ li jilqa’ fih lill-familji Maltin u Għawdxin. Dan b’investiment li jleħħaq il-miljun u nofs ewro li tħabbar is-Sibt mill-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera.
Dan il-ġnien ta’ madwar tliet elef metru kwadru jinsab fi stat ta’ telqa, tant li jattira attivitajiet abbużivi. Il-Ministru Herrera semma kif l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi u Infrastruttura Malta se jmexxu dan il-proġett.
“L-idea hi li dan huwa wieħed mill-ftit ġonna li hawn f’dawn l-inħawi u li jiġi elevat għas-stat prestin tiegħu.” Qal il-Ministru Herrera.
Fost oħrajn se jsir pavimentar ġdid minflok il-pajsaġġ preżenti tat-tarmac, se jinżeraw aktar siġar u arbuxelli, u se tiġi nstallata għamara ġdida għall-ġnien. Il-Ministru Herrera semma wkoll li se jkunu installati sound barriers biex inaqqsu l-ħsejjes tat-traffiku.
Ilkoll affarijiet li ntlaqgħu tajjeb mis-Sindku, Frans Debono.
“Dan huwa proġett ieħor li se jkun qed jagħti pulmun lil-lokalità tagħna u anke n-nies tal-viċinanza, għax diżgrazzjament la l-lokal tagħna u lanqas tal-Ħamrun ma għandux dak il-ġnien li bil-familja jgħidu isma se nieħdu pjaċir fih.”
Il-Ministru Herrera temm jgħid ukoll li qed isiru proġetti oħra simili biex jitħadru ż-żoni urbani madwar Malta.
“L-urban irid isir aktar aħdar għal wisq snin ma konniex nagħtu kasu dan l-aspett tla-urbanisation tal-pajjiż. Però llum il-Gvern huwa committed illi jkollna dawn l-open spaces u miżmumin b’livell tajjeb”
Ambjent Malta se tkun qed tieħu ħsieb il-manteniment ta’ dan il-proġett ta’ riġenerazzjoni malli jitlesta.