Permezz ta’ investiment mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u b’fondi mill-Aġenzija tal-Infurzar Lokali – il-LESA – ġie inawgurat ir-restawr tal-Ġnien tal-Millennju.
L-interventi li saru f’dan il-ġnien jinkludu xogħol ta’ tisbiħ, it-tpoġġija ta’ bankijiet u tapit tal-lastiku, fost xogħol ieħor ta’ rinnovazzjoni.
Dan il-ġnien għandu wkoll erba’ strumenti mużikali tal-perkussjoni li jistgħu jitgawdew u jintużaw minn min iżuru.
Is-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar, Alfred Grima, fakkar li dan l-ispazju pubbliku kien abbandunat u li għalhekk ir-residenti ma kinux iffitxu li jagħmlu użu minnu. Issa, permezz ta’ dan l-investiment, se jkun jista’ jitgawda minn kulħadd.
Qal, “L-iktar ħaġa importanti, fl-opinjoni tiegħi, li għamilna f’dan il-post hija li minn tabu ta’ ħafna affarijiet illegali li kienu jsiru, illum għandna attività ħajja ta’ affarijiet pożittivi li jgħinu lill-poplu Malti u l-barranin itejbu l-ħajja tagħhom ta’ kuljum. ”
Is-Sindku saħaq li dan il-ġnien irid jinżamm fl-aħjar stat sabiex jitgawda mill-familji u mit-tfal li jżuruh.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, stqarret li spazji miftuħa bħal dan il-ġnien mhux biss iżidu fit-tisbiħ u fil-valur tal-lokalità, izda joffru spazju fejn ir-residenti u t-turisti jkunu jistgħu jqattgħu ħin flimkien.
Qalet, “Il-kwalità ta’ ħajja tajba u kwalità ta’ ħajja fil-lokalitajiet tagħna hija l-qofol tal-ħidma tagħna u governanza tajba, anke fuq bażi lokali, tirrifletti l-ħidma siewja tal-kunsilli lokali tagħna, ta’ min imexxi l-kunsilli lokali – jieħdu deċiżjonijiet għall-ġid tar-residenti u l-lokalitajiet tagħna.”