Bdiet ir-riġenerazzjoni fiż-żona industrijali ta’ Ħal Luqa b’investiment ta’ ħames miljun ewro.
Din ir-riġenerazzjoni se jgawdu minnha mija u għoxrin negozju żgħir u medju.
F’konferenza tal-aħbarjiet fiż-żona ġie spjegat kif mat-tmien mija u ħamsin triq se tingħata wiċċ ġdid, u se jsir ukoll xogħol ta’ pavimentar.
Apparti minn hekk se jiġi assigurat li ż-żona jkollha dwal aħjar, flimkien ma’ tabelli fit-toroq.
Il-Ministru għall-Industrija, Silvio Schembri spjega kif din ir-riġenerazzjoni hija waħda ħolistika, hekk kif se tara wkoll il-bini ta’ substation ġdida u spazju ta’ parkeġġ, flimkien ma’ bini ta’ mitejn u għaxar metru kwadru ta’ spazju ġdid għan-negozji li se jsaħħaħ il-kapaċità tan-negozji.
Il-Ministru stqarr kif dawn ix-xogħlijiet huma frott ta’ Gvern li huwa viċin tal-bżonnijiet tan-negozji żgħar u medji.
Qal, “Dan huwa Gvern li jwettaq dak li jwiegħed. Ftit tax-xhur ilu kont qiegħed hawn fl-istess żona, fejn għedt li għall-ewwel darba wara erbgħin sena, din iż-żona se naraw li niddedikaw ir-riżorsi li hemm bżonn sabiex tiġi riġenerata. Allokajna ‘l fuq minn ħames miljun ewro sabiex eventwalment, kif nistgħu naraw, ix-xogħol issa beda, mhux biss biex nirranġaw it-toroq li ilhom ma jsiru ’l fuq minn erbgħin sena ġewwa ż-żona industrijali ta’ Ħal Luqa, iżda wkoll noħolqu spazji industrijali ġodda u jsiru embelishments.”
Silvio Schembri tenna li l-impenn tal-Gvern huwa li jkompli jaċċerta l-futur tal-familji ta’ negozji simili, billi jinvesti sabiex itejjeb il-kundizzjonijiet ta’ dawn in-negozji.
Din ir-riġenerazzjoni hija parti mill-programm ta’ investiment infrastrutturali industrijali ta’ erba’ mija u sebgħin miljun ewro.