Sal-aħħar tax-xahar se jibda jidher ir-riżultat ta’ investiment tas-settur privat fin-naħa ta’ isfel ta’ Strada Stretta biex din tkun riġenerata ukoll. Disa’ stabbilimenti ta’ divertiment, ilkoll bl-istil individwali tagħhom, se jagħtu l-ħajja lil din il-parti tat-triq li sa issa kienet għadha mitluqa.
Dan fi proġett ambizzjuz li jinkorpora binja ta’ madwar 7,000 metru kwadru li fil-biċċa l-kbira tagħha kienet ilha mitluqa u magħluqa għal dawn l-aħħar 50 sena.
Il-proġett ta’ DBL Group sar id f’id mal-Fondazzjoni V18 hekk kif il-programm kulturali tal-V18 se jikkumplimenta l-istil tal-istabbilimenti, fosthom permezz ta’ palk fit-tarf tat-triq li se jilqa’ għexieren ta’ artisti tul is-sena.
Żar ix-xogħlijiet f’din il-binja, l-Prim Ministru Joseph Muscat, li mistagħġeb b’dan il-ġojjel minsi, ddeskriva dan il-proġett bħala eżempju tal-koperazzjoni bejn is-settur privat u dak pubbliku. Il-General manager tal-grupp, Andrei Imbroll, aċċenna li mingħajr il-koperazzjoni tal-Gvern proġett ambizzjuż bħal dan m’huwiex possibbli għaliex jinvolvi ħafna sfidi legali u strutturali- iżda li sar fi żmien relattivament qasir.
Fil-proġett fil-fażi ta’ kostruzzjoni impjega mal-100 ruħ u malli jkun komplut hu stmat li se jimpjega 100 ruħ oħra fl-istabbiliment.